Internazzjonali

Ġermanja: Midruba fi splużjoni ta’ bomba tat-Tieni Gwerra

Talanqas erba’ persuni ndarbu meta bomba tat-Tieni Gwerra splodiet f’sit ta’ ferrovija fejn bħalissa għaddej proġett ta’ kostruzzjoni.

Il-każ seħħ fil-belt ta’ Munich. bl-awtoritajiet jgħidu li l-isplużjoni seħħet waqt li kien għaddej xogħol ta’ tħaffir qrib il-pont ta’ Donnersberger, viċin l-istazzjon ewlieni tal-ferrovija. B’riżultat ta’ dan, waqfu, temporanjament, is-servizzi tal-ferroviji f’ħafna bnadi ta’ Munich.

Jidher li l-bomba kienet ilha mis-snin erbgħin taħt l-art ta’ mina, bl-investigazzjonijiet fis-sit għadhom għaddejjin. Intant, is-servizzi għall-emerġenza marru malajr fuq il-post, bl-esperti tal-bomb disposal qed jeżaminaw il-fdalijiet tal-bomba.

Din mhix l-ewwel darba li nstabu l-bombi tat-Tieni Gwerra fil-Ġermanja u wara li dawn naqsu milli jisplodu għal għexieren ta’ snin. Dawn is-sejbiet kemm-il darba wasslu għal evakwazzjonijiet tal-massa iżda ħafna mill-bombi anki kienu newtralizzati b’suċċess mill-esperti tal-isplussivi.