Lokali

Il-Palazz tal-Gran Mastru se jiftaħ għall-pubbliku l-Ħadd li ġej

Nhar il-Ħadd li ġej il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta se jiftaħ għall-pubbliku fejn wieħed se jkun jista’ japprezza din il-binja kemm minn barra u minn ġewwa hekk kif bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr minn Heritage Malta.

Fost ir-restawr li qed isir hemm dak fuq il-pitturi tas-seklu 18, fuq is-saqaf u tat-tiżjin tal-ħitan minn Niccolò Nasoni fil-kurituri tal-Piano Nobile, ix-xogħlijiet fis-sala fejn kien jiltaqa’ l-Parlament u fejn issa se terġa’ ssib postha l-Armerija, kif ukoll ir-restawr tal-Casa del Monte u tal-ġnejna tal-larinġ fis-sular t’isfel.

Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta se tkun qed iddoqq matul il-ġurnata kollha.

Il-Palazz se jkun miftuħ mill-10am sal-5pm fejn se jkun hemm tour kull siegħa, bl-ewwel wieħed fl-10:30am u l-aħħar wieħed fl-4:30pm. Wieħed għandu jilbes żarbun magħluq u komdu, b’dawk li jilbsu żarbun bit-takkuna jew flip flops ma jitħallewx jidħlu. Dan l-avveniment se jsir b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.

Fhix jikkonsisti r-restawr?

L-ewwel fażi tal-proġett, li qed tkun kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew għas-somma ta’ €10 miljun, mistennija titlesta fl-aħħar kwart tas-sena d-dieħla. F’din il-fażi l-Armerija se tittieħed lura fejn kienet oriġinarjament, jiġifieri fis-sala fejn kien jiltaqa’ l-Parlament; se jiġu restawrati x-xogħlijiet tal-arti fil-kurituri u l-Uccelliera fil-Piano Nobile; u se jsir ċentru tal-viżitaturi f’dik li hi magħrufa bħala Casa del Monte u l-ġnejna tal-larinġ.

Fit-tieni fażi se jsir ir-restawr tas-swali statali u l-uffiċċju tal-President, filwaqt li fit-tielet fażi jkun imiss ir-restawr tal-Bitħa ta’Nettuno u s-sular ta’ isfel. Fl-aħħar nett se jiġi riabilitat ukoll is-sular ta’ taħt l-art. Il-bqija tal-proġett se tiswa €18-il miljun. Il-proġett kollu għandu jkun lest sal-2025.

Bir-riġenerazzjoni tal-Palazz tal-Gran Mastru, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesperjenzaw b’mod sħiħ din il-binja li kienet iċ-ċentru tal-poter f’Malta għal dawn l-aħħar 500 sena, u li għalhekk hija s-simbolu ta’ dan in-nazzjon.

L-istorja tal-Palazz tal-Gran Mastru

Il-Palazz ġie mibni mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-snin 70 tas-seklu 16, fejn hu meqjus bħala t-teatru fejn twieled in-nazzjon Malti u l-ewwel binja li ttellgħet fil-belt kapitali l-ġdida. Matul is-snin id-daqs tiegħu ġie mkabbar u kien jikkostitwixxi stat ġo binja. Matul il-ħakma Ingliża, serva bħala l-Palazz tal-Gvernatur u kien ukoll is-sede tal-ewwel parlament kostituzzjonali ta’ Malta fl-1921.

Fil-preżent, il-Palazz huwa s-sede tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Waqt li għaddejjin ix-xogħlijiet, il-President ġentilment qed juża uffiċini oħra lil hinn mill-Palazz.

Il-Palazz tal-Gran Mastru hu l-aktar sit ta’ Heritage Malta li jżuruh nies, b’madwar 200,000 viżitatur kull sena. Qabel kienu miftuħin għall-pubbliku biss l-Armerija fis-sular ta’ isfel, ħames swali fil-Piano Nobile, u t-taraġ prinċipali. Il-proġett ta’ restawr li għaddej bħalissa se jagħti aċċess għal aktar minn 85% tal-binja.