Lokali

Il-preżentatriċi Eileen Montesin tirbaħ il-Lifetime Achievement Award

Il-preżentatriċi ta’ Net TV u Net FM Eileen Montesin ingħatat l-unur għall-kontribuzzjoni kbira li tat lill-media tul il-karriera tagħha, waqt li kienet preżentata bil-‘Lifetime Achievement Award’ fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Lovin Malta Social Media Awards.

Eileen Montesin mhux biss hija vuċi sinonima ma’ Net FM u preżentatriċi popolari fuq Net TV, iżda fl-aħħar snin stabilixxiet ruħha bħala ikona tal-media soċjali. Fil-fatt, il-mod li bih tikkomunika dejjem adatta matul is-snin, u issa saret ukoll maħbuba u mfitxija ferm anke fuq pjattaformi bħal Instagram u Facebook.

Montesin bdiet bħala radio announcer ma’ Xandir Malta f’Settembru tal-1979, fl-età ta’ 17-il sena. U fuq TVM preżentat Kikku & Sika – l-ewwel minn sensiela ta’ programmi għat-tfal li baqgħet ittella’ sal-1987. Preżentat ukoll Blanzuni 85 u ħadet sehem fid-drammi It-tieġ ta’ Karmena Abdilla u In-Neputija tal-Kappillan f’Dar il-Mediterran, li ntwerew ukoll fuq TVM.

Snin wara, kienet ingħaqdet ma’ Net TV fejn ipproduċiet u dderiġiet is-serje DejavuBecky u It’s Morris.

Bħalissa hi qed tippreżenta l-programm Family Affair.

Eileen Montesin hija miżżewġa lil Mark Haber u għandhom bint, Christine Haber.