Internazzjonali

Il-varjant ġdid tal-Covid: Miżuri ġodda għall-ivvjaġġar fost sitwazzjoni inċerta

Il-pajjiżi tal-Ewropa qed ikomplu bil-battalja kontinwa kontra l-każi tal-Covid li qed jiżdiedu. Dan waqt li qed jidħlu fis-seħħ id-direttivi intiżi biex jillimitaw sew l-ivvjaġġar, bil-għan li tonqos il-firxa tal-varjant Afrikan ġdid magħruf bħala Omicron.

Ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Portugall huma fost il-pajjiżi li qed iżidu l-miżuri tas-sigurtà fid-dawl tal-pandemija – bil-Gvern tar-Renju Unit jikkonferma li t-turisti Britanniċi li jridu jivvjaġġaw lejn Spanja, minn issa, se jirrikjedu ċertifikat biex juru li huma fully vaccinated.

Intant, Spanja ħarġet direttivi biex il-passiġġieri ta’ ‘il fuq minn tnax-il sena jipproduċu l-provi li ħadu t-tilqima sħiħa kontra l-Covid ladarba jivvjaġġaw minn post għall-ieħor.

Fl-aħħar sigħat ukoll daħlu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet fil-Portugall bħala parti minn kampanja għall-prevenzjoni ta’ firxa tal-varjant Omicron. Kulmin għandu ‘il fuq minn 12-il sena, issa, irid juri r-riżultati negattivi ta’ test għall-Covid ladarba jasal f’wieħed mill-ajruporti tal-pajjiż – u irrispettivament minn jekk il-persuni ngħatawx il-vaċċin jew le.

Il-Portugiżi anki jridu jilbsu bilfors il-maskri f’postijiet magħluqa minbarra li jipproduċu l-provi li ħadu t-tilqima jew test negattiv biex jidħlu fil-lukandi u r-ristoranti. Sadanittant, il-Portugall diġà rrapporta ‘il fuq minn tużżana każi tal-Omicron fl-artjiiet tiegħu.

Il-Gvern tal-Iżvizzera fl-aħħar sigħat kien qed iħejji programm ġdid ta’ miżuri u meta għalissa qed jippjana r-restrizzjonijiet ġodda relatati mal-Covid. Regola ġdida partikularia tisħaq biex kull grupp ta’ għaxar persuni jew aktar juru bilfors iċ-ċertifikati li ħadu l-vaċċin kontra l-coronavirus.

‘Il miżuri anki qed isiru ‘il hinn mill-Ewropa bil-linji tal-ajru fil-Ġappun qed jieqfu milli jaċċettaw bookings mingħand il-passiġġieri – u bil-Gvern ta’ Tokjo iżid il-projbizzjoni għall-ivvjaġġar ġenerali, fost l-inkwiet dwar l-effetti tal-varjant Afrikan. Fil-Ġappun instabu talanqas żewġ każi tal-Omicron, bl-awtoritajiet lokali qed ikomplu jsegwu s-sitwazzjoni.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li kulmin hu vulnerabbli jew li jħossu ma jiflaħx għandhom jipposponu l-pjani għal xi safra li jista’ jkollhom — dejjem f’sitwazzjonijiet fejn huma ma ngħatawx it-tilqima sħiħa kontra l-Covid.

L-aħħar travel advisory tal-WHO ikkonkluda li l-persuni ‘il fuq minn 60 sena u persuni bi problemi tal-qalb jew li qed ibatu mill-kanċer u d-dijabete jaqgħu kollha taħt il-kategorija tal-vulnerabbli.

L-avviż tal-WHO  ħareġ fost l-inkwiet tal-Organizzazzjoni dwar il-varjant ġdid tal-Omicron – bil-WHO tirrepeti li ‘projbizzjoni għall-ivvjaġġar fuq livell assolut’ mhux se jwaqqaf iċ-ċirkolazzjoni ta’ dan il-varjant.

Fi żviluppi oħra, il-pulizija fl-Awstralja arrestaw tliet persuni li, fis-satra tal-lejl, ħarbu minn ċentru għan-nies li qed jinżammu fi kwarantina minħabba l-potenzjal li jiżviluppaw sintomi tal-Covid.