Lokali

L-AWDITUR JIKKONFERMA: Fil-ħabs hemm problemi kbar ta’ sigurtà u iġene

L-NAO jikkonferma li l-ħabs huwa mimli żżejjed bil-priġunieri

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara llum ippreżenta lill-Ispeaker Anġlu Farruġia r-rapport dwar l-operat tal-Correctional Services Agency (CSA), minn perspettiva strateġika, fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin (CCF). 

Primarjament, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) innota li l-leġiżlazzjoni lokali eżistenti ma’ timponix obbligi suffiċjenti fuq s-CSA fir-rigward ta’ sistema effettiva ta’ riabilitazzjoni. Speċifikament, dan l-Uffiċċju osserva li l-obbligazzjonijiet stabbiliti bil-liġi rigward aspetti ta’ riabilitazzjoni huma ftit u inqas b’saħħithom meta kkumparati ma’ oħrajn, partikolarment dawk relatati mad-dixxiplina u s-sigurtà. L-NAO jħoss li dan il-fattur iħalli inizjattivi ta’ kura u riabilitazzjoni f’sitwazzjoni li jridu jikkompetu, aktar milli jikkumplimentaw, obbligazzjonijiet legali oħra aktar b’saħħithom bħalma huma dawk li jiddettaw id-dixxiplina u l-ordni.

B’rabta ma’ dan, l-NAO osserva li, filwaqt li f’dawn l-aħħar snin saru sforzi sinifikanti biex jitfasslu pjanijiet ta’ kura (care plans) għall-ħabsin ġewwa s-CCF, l-inizjattivi ta’ kura u riintegrazzjoni għadhom mhumiex qed jilħqu lill-priġunieri kollha. Dan huwa evidenti fin-numru baxx ta’ opportunitajiet ta’ xogħol (kemm ġewwa kif ukoll barra l-Faċilità) u dawk edukattivi li qed jingħataw lill-priġunieri. Filwaqt li dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi li fatturi esterni mill-Aġenzija jistgħu jikkontribwixxu għal dan in-nuqqas, l-NAO xorta jħoss li dawn l-opportunitajiet huma limitati wisq biex jitqiesu bħala sforz adegwat mill-ħabs sabiex ix-xogħol u l-edukazzjoni jikkontribwixxu għar-riabilitazzjoni tal-priġunieri.

Waqt l-ispezzjonijiet li għamel fil-ħabs, l-NAO osserva sens ta’ ordni. Madanakollu, filwaqt li ġie nnotat li l-istat strutturali tal-Faċilità ġeneralment mhuwiex oġġezzjonabbli, l-NAO xorta identifika xi nuqqasijiet f’dan ir-rigward li jistgħu jkunu ta’ piż bla bżonn (għalkemm mhux b’mod kritiku) fuq l-esperjenza ta’ priġunerija, li minnha nfisha diġà hija intrinsikament diffiċli.

Barra minn hekk, filwaqt li dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi li l-Aġenzija m’għandhiex kontroll fuq in-numru ta’ priġunieri li jridu jinżammu fil-Faċilità, u lanqas fuq ir-rekwiżiti ta’ segregazzjoni (kemm dawk li joħorġu mil-leġiżlazzjoni lokali kif ukoll dawk imposti mill-Qrati), innota li d-daqs tal-ħabs huwa limitat ħafna. Din is-sitwazzjoni ġġib magħha problemi ovvji, partikolarment fir-rigward ta’ sigurtà, iġene u privatezza.

Din il-verifika wriet kif, abbażi taċ-ċifri mogħtija mill-Aġenzija tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, l-abbuż tad-droga fil-ħabs naqas b’mod konsiderevoli.

Permezz ta’ dan l-istudju, l-NAO osserva wkoll li n-numru ta’ uffiċjali korrettivi, kif ukoll ta’ professjonisiti inkarigati mill-kura u riintegrazzjoni, żdied matul dawn l-aħħar snin. Minkejja dan, in-numru ta’ nies impjegati ġewwa s-CCF għadu ma laħaqx il-livell stabbilit bħala l-ideali mill-Aġenzija, anki jekk dan Il-livell mhux sostnut minn studju dokumentat b’mod komprensiv.

Filwaqt li l-NAO huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni elettronika ċentralizzata fi ħdan s-CCF, jirrikonoxxi l-fatt li ġie ffirmat ftehim ma’ fornitur estern li se jipprovdi lis-CSA b’Offenders Management System. Dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi wkoll li s-CSA bdiet proċess biex il-proċeduri operazzjoniali tagħha jiġu żviluppati u dokumentati b’mod uffiċjali.