Lokali

L-MPU b’direttivi dwar it-tilqim tal-Pulizija qabel il-festi tal-Milied

Ritratt: Arkivji

Il-Malta Police Union (MPU) ħarġet direttivi lill-membri tagħha wara li l-kwistjoni tat-tilqim tal-Pulizija bil-booster tal-vaċċin kontra l-Covid-19 qabel il-festi tal-Milied.

Fi stqarrija, il-Kumitat Eżekuttiv tal-MPU qal li hemm iktar minn 1,500 uffiċjal tal-Pulizija li rreġistraw sabiex jirċievu d-doża tal-booster. L-MPU qalet ukoll li l-proċess ta’ medjazzjoni industrijali spiċċa hijacked bl-inklużjoni ta’ union oħra li ma kienitx parti mit-tilwima industrijali reġistrata mill-istess MPU ix-xahar li għadda.

L-MPU qalet li s-sigurta’ tal-membri tagħha hu priorita’ assoluta u għaldaqstant, ħarġet direttivi lill-membri tagħha biex minn nhar il-Ġimgħa ma jispezzjonawx f’binjiet jew kwartieri sakemm ma jkunx hemm sejħa għall-għajnuna, f’każ ta’ emerġenza jew periklu għas-sigurta’ ta’ ħaddieħor.

Din id-direttiva tgħodd għal min għadu ma tlaqqamx bil-booster u ma tgħoddx għal dawk li ma tlaqqmux b’għażla personali tagħhom.