Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tressaq abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika

L-Oppożizzjoni trid li l-Parlament ikun l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna u huwa għalhekk li ħasset il-bżonn li tressaq abbozz ta’ ligi li se jemenda l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li sabiex tissaħħaħ id-dekomrazija ta’ pajjiżna li fil-passat ġiet mhedda u għadha qed tiġi mhedda, hemm bżonm li nkomplu ntejbu l-mod kif jiffunzjona l-Parlament Malti.

Huwa qal li mhux aċċettabbli li jkollok deċiżjonijiet tal-kummissarju tal-istandarads li ma jiġux segwiti. Dan qed iwassal biex il-politiċi ma jkunux responsabbli ta’ għemilhom.

Bernard Grech qal li b’dan l-abbozz ta’ liġi jkollna serħan il-moħħ li persuni integri biss ikunu jistgħu jiddeċiedu fuq materji importanti għal pajjiżna.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li qed jistennea li jkun hemm reazzjoni mill-Gvern dwar dak li qed tippropni l-Oppożizzjoni, hekk kif wara iktar minn 48 siegħa ma kien hemm reazzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li dan l-abbozz se jwassal għal żewġ bidliet imporanti fosthom sabiex tkun iċċarata darba għal dejjem il-ġurisdizzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex eks-Membri Parlamentari, eks-Ministri, eks-Segretarji Parlamentari u eks-Assistenti Parlamentari jkunu jistgħu jiġu nvestigati wkoll.

It-tieni bidla hija fil-kompożizzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Bil-bidla proposta l-Kumitat mhux se jibqa’ jitmexxa mill-Ispeaker hekk kif se jkun kompost minn Chairman li ma jkunx Membru Parlamentari maħtura bil-vot ta’ żewġ terzi tal-Membri tal-Kamra, żewġ membri li ma jkunux Membri Parlamentari, membru tal-Kamra nominat mill-Prim Ministru u ieħor mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni qed tagħti l-kontribut tagħha biex tiżdied l-istima u l-kredibbilta li jixraqlu l-Parlament Malti. 

Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li dan huwa pass ‘il quddiem kif l-Oppoiżizzjoni tixtieq tara lid-demokrazija Maltija tkompli timmatura. Dan billi l-Kumitat tal-Istandads fil-Ħajja Pubblika jwettaq xgħolu kif suppost u jipproteġu l-interess pubbliku.