Futbol Sport

Liverpool jiddominaw fid-derby ta’ Merseyside… Rebħiet ukoll għal Man City u Chelsea

(Ritratt: EPA)

F’Goodison Park Liverpool iddominaw id-derby ta’ Merseyside b’rebħa komda ta’ 4-1 kontra Everton. Kienu Liverpool li marri fil-vantaġġ fid-9 minuta meta minn cross ta’ Andrew Robertson, kien il-captain Jordan Henderson li b’xutt mill-isbaħ tefa’ fir-rokna tax-xibka għal 1-0. Liverpool rdoppjaw 10 minuti wara meta minn pass ta’ Jordan Henderson, kien l-Eġizzjan Mohammed Salah li b’konklużjoni preċiża għeleb lil Jordan Pickford. Everton naqqsu d-distakk fit-38 minuta permezz ta’ Demarai Grey, iżda Liverpool għalqu l-partita fl-64 minuta meta għal darb’oħra kien Mohammed Salah li seraq il-ballun mingħand Seamus Coleman, avvanza u għeleb lil Jordan Pickford għat-3-1. Liverpool skorjaw ir-raba’ gowl fid-79 minuta meta kien Diogo Jota li dar tajjeb fil-kaxxa u tefa’ fis-saqaf tax-xibka għal skor finali ta’ 4-1.

F’Vicarage Road Chelsea kisbu rebħa mportanti ta’ 2-1 kontra Watford biex żammew posthom fil-quċċata tal-klassifika. Din il-partita kellha tieqaf għal xi minuti fit-12-il minuta meta t-tobba ssejħu fl-istands minħabba inċident ta’ attakk tal-qalb fost il-partitarji, bil-persuna tingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post. Kienu Chelsea li fetħu l-iskor fid-29 minuta meta minn pass ta’ Kai Havertz kien Mason Mount li kkonkluda fix-xibka. Madanakollu Watford kisbu d-draw fit-43 minuta permezz ta’ Emmanuel Dennis. Il-gowl tar-rebħa għal Chelsea wasal fit-73 minuta meta minn pass ta’ Mason Mount kien Hakim Ziyech li tefa’ fix-xibka għal skor finali ta’ 2-1.

F’Villa Park Man City kisbu rebħa mportanti ta’ 2-1 kontra Aston Villa biex taw l-ewwel telfa lil Steven Gerrard fit-tmexxija ta’ Aston Villa. Kienu Man City li marru fil-vantaġġ fis-27 minuta meta x-xutt mid-distanza ta’ Ruben Dias kien devjat għal ġewwa għal 1-0. Huma rdoppjaw fit-43 minuta meta minn cross ta’ Gabriel Jesus kien Bernardo Silva li b’volley preċiż għeleb lil Emiliano Martinez għal 2-0. Aston Villa naqqsu d-distakk fis-47 minuta permezz tal-attakkant Ingliż Ollie Watkins, liema gowl ma kienx biżejjed biex jiksbu xi ħaġa minn din il-partita.

PREMIER LEAGUE

Illum: Southampton v Leciester 2-2, Watford v Chelsea 1-2, West Ham v Brighton 1-1, Wolves v Burnley 0-0
Aston Villa v Man City 1-2, Everton v Liverpool 1-4 Għada: Tottenham v Brentford 8.30pm, Man Utd v Arsenal 9.15pm