Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li agredixxa żagħżugħ fi ġnien pubbliku

Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Raħal Ġdid ġie kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn mill-Maġistrat Nadine Lia wara li nstab ħati li ħebb għal żagħżugħ ieħor għas-sempliċi raġuni li jemmen li ġnien pubbliku huwa tiegħu u li l-vittma ma kellux dritt imur fih,

Yarik Farrugia instab ħati li ta daqqa ta’ ras fi ġnien pubbliku u weġġa’ serjament lil Nathaniel Attard fit-8 ta’ Marzu tas-sena 2019, u dan għall-ħabta tal-5.30 p.m. fil-bandli f’Ħal Tarxien fejn hemm ġnien pubbliku.

Mill-provi li tressqu ġara li Attard mar il-bandli biex ikellem żewġt kollegi ħbieb tiegħu. Hemm kien hemm tliet gruppi ta’ żgħażagħ u f’ħin minnhom żagħżugħ fi grupp minnhom mar fuq Attard u mbuttah bi spalltu b’mod agressiv. Hawn inqalgħet speċi ta’ kommissjoni b’Farrugia jagħtih daqqa ta’ ras fuq rasu.

Kif il-vittma staqsih għaliex aġixxa miegħu b’dan il-mod, l-aggressur tah daqqa oħra u qallu biex ma jersqux lil hemm. Attard u sħabu marru l-poliklinika ta’ Raħal Ġdid fejn il-vittma sarulu erba’ punti.

Attard qal lill-Pulizja li huwa ma kienx jaf lil Farrugia imma għarfu minn Facebook. Farrugia ċaħad li aggredixxa lil Attard u kkonferma li ma kienx jafu.

Ħabiba ta’ Attard xehdet li kienet se tiġi aggredita wkoll u li Attard mar biex  jiddefendiha, iżda l-akkużat mar u ħebb għalih.

Social worker qalet fil-qorti li Farrugia kellu trobbija diffiċli u fil-passat kien jieħu d-droga. Wara li semgħet il-provi, inkluż filmat meħud minn cameras tas-sigurtà fil-bandli, il-Qorti rrimmarkat li jirriżulta ċar li seħħet l-agressjoni.

“Il-Qorti tqis l-agir tal-imputat bħala kapriċċjuż u mmatur għall-aħħar. L-inċident jidher li sar mingħajr ebda raġuni fuq vittma li ma jirriżulta li għamillu xejn, wisq anqas ipprovokah, u li kien għaddej għal affari tiegħu f’post pubbliku.

“Jirriżulta li l-imputat ppretenda li l-ġnien pubbliku huwa xi territorju personali tiegħu u li jiddeċiedi hu min jista’ jgawdih”, qalet il-Maġistrat. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza hija rrimarkat li Farrugia kien diġà nstab ħati ta’ vandaliżmu fuq gazebo fl-istess ġnien.

Minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża hija rabtitu għal perjodu ta’ sena biex ma jdejjaqx lil Attard inkella jeħel multa ta’  €1,000. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal sentejn biex jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa. Għal Farrugia deher l-Avukat Franco Debono.