Internazzjonali

Tliet studenti jinqatlu f’Michigan

Ritratt: Sky News

Tliet studenti nqatlu wara li ġuvni ta’ ħmistax-il sena spara għal fuq diversi studenti fi skola f’Michigan. L-attakk seħħ it-Tlieta wara nofsinhar għall-ħabta tas-13.00.

Il-vittmi huma żewġ tfajiliet ta’ erbatax u sbatax-il sena u ġuvni ta’ sittax-il sena li tilef ħajtu waqt li kien fil-karozza tal-Pulizija fi triqtu lejn l-Isptar.

Tmien persuni oħra ndarbu b’uħud minnhom jinsabu f’qagħda kritika fosthom tifel ta’ sittax-il sena li jinsab fuq il-ventilator.

Il-ġuvni li spara għal fuq l-istudenti qed jinżamm taħt il-kustodja tal-Pulizija filwaqt li nstabet l-arma li ntużat.

S’issa għadha mhux magħrufa r-raġuni li seħħ dan l-attakk.

Huwa mifhum li l-aggressur aġixxa waħdu u kien arrestat mill-Pulizija mingħajr ebda reżistenza wara li spara madwar għoxrin tir.