Lokali Qorti

Erba’ persuni li dehru jħeġġu raġel jaqbeż minn fuq is-sur mistennija jitressqu l-Qorti

Il-Pulizija mistennija tressaq il-Qorti erba’ persuni li allegatament ħeġġu lil persuna li kienet qegħda f’xifer is-sur biex jaqbeż għal isfel.

L-inċident ħoloq furur f’pajjiżna hekk kif fuq il-media soċjali bdew iduru filmati li juru numru ta’ persuni jinkoraġġixxu lir-raġel li kien jidher fuq is-sur u jgħaddu diversi kummenti.

Il-Pulizija identifikat erba’ persuni u dawn ser ikunu qed jitressqu l-Qorti fil-ħin li ġej. Għalkemm mhux magħrufa eżatt x’se jkunu l-akkużi miġjuba kontrihom, hu mifhum li dawn ser ikunu marbuta mal-każ li seħħ fid-19 ta’ Novembru fil-Belt Valletta.

Dak li seħħ dakinhar fetaħ diskussjoni kbira u tefa’ dawl fuq kif is-soċjeta qegħda tirreaġixxi f’ċiekustanzi simili, b’bosta entitatjiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali jikkundannaw b’saħħa l-aġir ta’ xi individwi.