Internazzjonali

Il-Covid fl-Afrika t’Isfel: Il-każi ġodda jirduppjaw f’24 siegħa fost il-firxa tal-varjant Omicron

L-Uffiċjali tas-Saħħa qed jgħidu li l-varjant ġdid tal-Covid – Omicron – sar diġà l-element dominanti tal-coronavirus fl-Afrika t’Isfel. Dan meta l-istess varjant qed jixpruna żieda allarmanti fl-infezzjonijiet ġodda fuq bażi lokali.

Fl-aħħar evalwazzjoni bbażata fuq 24 siegħa kienu reġistrati mat-8,500 każ ġdid tal-Covid  li huma kważi d-doppju tal-4,300 każi rreġistrati fl-Afrika t’Isfel fil-jum ta’ qabel.

Illum, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-varjant Omicron instab f’talanqas 24 pajjiż madwar id-dinja. Dan wara li l-Afrika t’Isfel saret l-ewwel pajjiż li rrapporta l-varjant ġdid li għadda mill-bidliet noteveli mindu feġġ il-virus oriġinali tal-Covid fl-aħħar xhur tal-2019.

Intant, l-Istitut Nazzjonali għall-Mard li Jittieħed fl-Afrika t’Isfel qed jgħid li ‘il fuq minn 70 fil-mija tal-genomes tal-virus li għaddew mill-analiżi matul ix-xahar li għadda kienu tal-varjant Omicron.

Fost l-aħħar pajjiżi li kkonfermaw l-ewwel każi tal-Omicron hemm l-Indja, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Arabja Sawdija. Sadanittant, aktar nies qed ikunu infettati bil-varjant ġdid fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja.

Fl-istess ħin ħafna mistoqsijiet dwar il-varjant ġdid għadhom mingħajr tweġiba – u meta l-esperti mhumiex ċerti kemm il-vaċċini ta’ kontra l-Covid qed jagħtu protezzjoni kontra l-Omicron.

Min-naħa tagħha, il-WHO qed tirreferi għall-Omicron bħala ‘element inkwetanti tal-coronavirus’, bl-ewwel indikazzjonijiet juru li l-varjant jista’ jinfetta mill-ġdid u ‘aktar malajr’ li n-nies li jkunu fiequ mill-Covid.

Aktar kmieni fil-ġimgħa, numru sinifikanti ta’ pajjiżi bdew jillimitaw l-ivvjaġġar mill-Afrika t’Isfel – bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi Pretoria jilmenta li l-pajjiż ‘qed isofri l-penali fuq livell internazzjonali wara li skopra l-Omicron’.

Il-President tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa, ukoll esprima dispjaċir għall-fatt li qed jidħlu fis-seħħ it-travel bans għal pajjiżu u qal li din is-sitwazzjoni mhix ġustifikata. F’dan il-każ, id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus,  wissa li r-reġjun Afrikan tan-nofsinar ‘qed ibati’ minħabba l-miżuri għal kontra l-Covid fuq livell hekk ‘drastiku’.

Intant, l-infezzjoniijet ġodda mistennija jiżdiedu meta l-Afrika t’Isfel qed tiffaċċja l-bidu tar-raba’ mewġa tal-Covid. Dan meta l-pajjiż anki rrapporta żieda ta’ pazjenti li jeħtieġu l-kura speċjalizzata fl-isptarijiet. Madankollu – u skont l-awtoritajiet lokali — ħafna mill-pazjenti fl-Afrika t’Isfel ma laħqux jingħataw it-tilqima kontra l-Covid.

Dan ukoll meta l-WHO qed issostni li ħafna fost il-pajjiżi foqra għad ma rnexxilhomx ilaqqmu lill-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà.

Fi żviluppi ġodda….

Il-Gvern tar-Renju Unit iffirma kuntratti għax-xiri ta’ 114-il-miljun aktar doża tal-vaċċini Pfizer u Moderna, u li jridu jintużaw bejn is-sena d-dieħla u l-2023. L-iffirmar sar qabel iż-żmien mistenni minħabba l-firxa tal-varjant Omicron, bl-awtoritajiet itennu li ‘x’aktarx ikun hemm ħtieġa biex il-popli jitlaqqmu darba fis-sena’ bil-għan li jintlaħaq l-ogħla livelli ta’ protezzjoni possibbli.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jikkunsidraw programmi ta’ tilqim (kontra l-Covid) ‘li l-popli rispettivi jridu jingħataw bilfors u mingħajr eċċezzjoni’. Hi qed tinsisti li l-vaċċini huma u se jkunu kruċjali fil-ġlieda kontra l-varjant Omicron.

Il-mexxejja nazzjonali u reġjonali fil-Ġermanja kellhom jaslu fi qbil dwar l-introduzzjoni ta’ regoli aktar riġidi għall-poplu fid-dawl tal-pandemija.  Ir-regoli jippermettu biss li n-nies imlaqqmin jew li jkunu fiequ mill-Covid jidħlu fir-ristoranti, clubs, swali taċ-ċinema u ħwienet oħra, minbarra s-supermarkets. L-awtoritajiet f’Berlin qablu li s-sitwazzjoni għandha titqies bħala ‘kważi lockdown’ għaċ-ċittadini mhumiex imlaqqma, bil-pajjiż jirrapporta 388 mewta oħra mill-Covid fi żmien 24 siegħa.