Lokali

Aktar reazzjonijiet pożittivi għall-proposti tal-Kap tal-PN

Il-proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għal reviżjoni fil-mod kif inhu kompost il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika hi interessanti u ġġib aktar ġustizzja, filwaqt li ssaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat.

Hekk qal il-ġurnal The Malta Independent fl-Editorjal tiegħu, hekk kif ta ħarsa fid-dettal lejn din il-proposta, li tgħid li ż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom jagħżlu Membru Parlamentari kull wieħed, filwaqt li tliet persuni oħrajn għandhom jintagħżlu minn barra l-Kamra tar-Rappreżentanti, iżda bi qbil ta’ żewġ terzi tad-Deputati. Umbagħad, wieħed minn dawn it-tlieta għandu jintagħżel bħala Chairman.

Il-ġurnal qal li kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, jekk Membru Parlamentari jinstab ħati bi ksur ta’ etika, id-Deputati fil-Kumitat mill-istess partit se jappoġġjawh, filwaqt li tal-partit l-ieħor se jkunu kontrih, bid-deċiżjoni finali tispiċċa f’idejn l-Ispeaker, li juża’ l-Casting Vote.

Skont il-ġurnal dan wassal biex l-Ispeaker attwali, Anġlu Farrugia, qed jispiċċa gwardjan li jaħdem favur il-Gvern. Iżda dan m’għandux isir għaliex il-Kumitat m’għandux ikun hemm biex il-politiċi jipproteġu lilhom infushom.

Bħal fil-każ ta’ Rosianne Cutajar, fejn il-Kumitat qabel li d-Deputat Laburista kisret l-etika, għalkemm l-azzjoni li ttieħdet fil-konfront tagħha tibqa’ meqjusa bħala waħda dgħajfa.

Il-proposta tal-PN tgħid ukoll li l-Kummissarju tal-Istandards u l-Kumitat Parlamentari għandu jkollhom il-poteri wkoll fuq eks Membri Parlamentari, bil-ġurnal jgħid li anke din hi idea tajba.

Iżda minkejja li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħansitra ppreżenta Private Members’ Bill bil-proposti tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela s’issa għadu bla reazzjoni, bil-ġurnal jappellalu biex jappoġġja dan l-Abbozz.