Lokali Unjoni Ewropea

David Casa magħżul biex imexxi l-Fond Soċjali Klimatiku b’valur ta’ €70 biljun

Il-Membru Parlamentari Ewropew elett f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa nħatar bħala Rapporter tal-Parlament Ewropew tal-Fond Soċjali Klimatiku. Hu se jkun qed iħejji r-rapport għall-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, li hu membru tiegħu.

Dwar dan, Casa qal li jinsab kuntent li se nkun qed nagħti sehmi għal tranżazzjoni soċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Fond se jkun ifisser aktar minn €70 biljun f’investiment soċjali u klimatiku, skont pjan tal-Unjoni Ewropea li se jwassal ukoll investiment mill-Istati Membri.

Il-Fond hu marbut ma’ proposti oħrajn li jnaqqsu l-emmissjonijiet u li jwasslu għal sorsi aktar nodfa ta’ enerġija għat-trasport kif ukoll għat-tisħin u t-tkessiħ. Il-Fond hu parti mill-pakkett “Fit-for-55”, li hu l-inizjattiva leġiżlattiva ewlenija tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Casa kompla li hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tagħmel passi kbar b’dan il-pakkett, il-Fond Soċjali Klimatiku jassigura li ħadd ma jibqa’ lura, filwaqt li żied li l-Fond se jassigura li l-Ewropa tnaqqas b’mod drastiku l-emmissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u gass serra mingħajr ma tikkomprometti l-impenn soċjali.

Dan se jkun it-tieni fond ewlieni li tiegħu l-MEP Casa hu r-Rapporter tal-Parlament Ewropew f’din il-leġiżlatura. Fl-ewwel nofs tal-leġiżlatura, hu nnegozja b’suċċess il-Fond Soċjali Ewropew, b’valur ta’ €90 biljun.

Għal dan il-Fond ġdid, l-MEP Nazzjonalista se jkun qed jaħdem mal-Olandiża tal-Grupp tal-PPE Esther de Lange biex jippreżentaw rapport konġunt dwar il-Fond Soċjali Klimatiku fl-ewwel nofs tal-2022. De Lange hi r-Rapporter tal-Fond għall-Kumitat tal-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà fl-Ikel.

Filwaqt li skont il-pjan, dawn il-flus jibdew jintużaw mill-2025, David Casa qal li hemm sforzi biex din id-data timxi ‘l quddiem, bir-rapport konġunt hu mistenni jkun ippreżentat kmieni s-sena d-dieħla.