Lokali Mużika

Għada jirritorna l-kunċert Rockestra

Il-Ġimgħa 3 ta’ Diċembru jirritorna l-kunċert Rockestra wara waqfa ta’ sena – kuncert li se jsir fl-MFCC f’Ta’ Qali.

Fl-isfond tal-pandemija tal-Covid-19 li pajjiżna għadu qed iħabbat wiċċu magħha, it-12-il edizzjoni ta’ Rockestra se tkun organizzata b’udjenza li tkun kompletament imlaqqma u, għall-ewwel darba, kull min se jkun qed jattendi se jkun qed jinżamm bilqiegħda fi clusters ta’ 500 persuna.

Il-kunċert b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation din is-sena għandu t-tema “Times Like These” b’messaġġ ċar li jirrifletti ż-żminijiet li għaddew minnhom l-artisti fl-aħħar xhur.

Hekk kif il-preparamenti u l-provi flimkien mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali laħqu l-qofol tagħhom din il-ġimgħa, id-direttur artistiku ta’ Rockestra Pawlu Borg Bonaci sostna li l-kunċert ta’ din is-sena huwa wieħed mistenni ferm, b’diversi kantanti lokali jżewqu ż-żewġ serati tal-Ġimgħa u s-Sibt.

Dan filwaqt li d-Direttur Mużikali tal-Kunċert, Sigmund Mifsud insista li s-sorpriżi ċertament li mhux se jonqsu.

Intant, il-President ta’ Malta George Vella attenda għall- preparamenti ta’ dan l-avveniment fejn saħaq li jinsab kuntent li wara dan il-perjodu twil ta’ waqfa sa fl-aħħar Rockestra rritornat għal żewġt iljieli indimentikabbli.

Intant l-organizzaturi fakkru lil dawk kollha li se jkunu qed jattendu għal Rockestra li magħhom iridu jieħu ċ-ċertifikat tal-vaċċin sabiex jippreżentawh fid-dħul.