Lokali

“Gvern li jwiegħed ħafna lill-ħaddiem imbagħad ma jwettaqx” – PN

Għadd ta’ fatti elenkati mill-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet esponew il-ħafna drabi li fihom fl-aħħar xhur il-Gvern kiser il-wegħdi li kien għamel hu stess.

Sena ilu l-Gvern ta’ Abela kkummissjona studju dwar il-living wage, u llum. wara li webbel lill-ħaddiema, qed jgħid li dak kien ezerċizzju intern.  F’Konferenza Nazzjonali kien wiegħed riforma fit-tribunal u sena wara lanqas biss jeżisti abbozz. Il-wegħda li ssir rifoma fil-wage regulation orders hija wegħda oħra li baqgħet fis-sħab. Bħal ma kenet dik li  l-Gvern kien qed jirriforma l-liġi tax-xogħol għar-realtajiet tal-lum, wegħda li għada ma waslet imkien.

Skont il-Ministru Carmelo Abela, li kien wara dawn il-wegħdi kollha, Malta kellha tkun l-ewwel pajjiż li jkollu fis-seħħ ir-right to disconnect – wegħda li baqgħet disconnected – u l-liġi li kellha tirregola r-remote working, biex ikun hemm aktar flessibilita fid-dinja tax-xogħol, għadha kliem biss.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li elenka dan kollu waqt il-konferenza insista li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jpoġġi pressjoni fuq il-Gvern biex izomm kelmtu fuq dak kollu li kien wiegħed.

RITRATT MARTIN AGIUS

Minn naħa tagħha, Paula Mifsud Bonnici li se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni li jmiss mal-Partit Nazzjonalista qalet li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti fuq il-Living Wage, kif ukoll biex jinqata’ il-prekarjat u għall-equal pay for equal work, u li bħala Gvern alternattiv għandu lesti soluzzjonijiet għal dawn l-oqsma, biex kulħadd jieħu dak li ħaqqu bi dritt.

RITRATT MARTIN AGIUS

Clifford Zahra Fenech, ukoll kandidat għal-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista tenna li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem biex isaħħaħ id-dinjità tal-ħaddiem Malti billi jara li jkollu pagi xierqa għal xogħlhom. Hu enfasizza dawk l-oqsma fejn hemm nuqqas ta’ ħaddiema, bħal għalliema u infermiera, u tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ reviżjoni llum qabel għada fil-COLA .

RITRATT MARTIN AGIUS

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jkun tarka tal-ħaddiema kull darba li jitkellem dwar is-serq fil-kontijiet tad-dawl, u serq fuq id-deal ta’ Steward. U se jkompli jkun ta’ tarka għalih billi jibqa’ jixpruna titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ kull wieħed u waħda minnhom.