Lokali

Il-Ħadd li ġej waranofsinhar: Mixja favur il-Ħajja fil-Belt

Il-Ħadd li ġej, bejn it-3pm u l-5pm, il-Fondazzjoni Life Network se torganizza Mixja Favur il-Ħajja minn Pjazza Kastilja sa quddiem il-Qorti, fil-Belt. L-għan tal-mixja hu li f’Malta titrawwem kuxjenza ta’ protezzjoni u promozzjoni tal-ħajja umana mill-konċepiment.

Il-Fondazzjoni spjegat li b’din il-mixja, tingħata vuċi lill-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, l-aktar lit-tarbija fil-ġuf. Dan fl-isfond tas-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż, fost l-appelli lill-ogħla awtoritajiet biex ikomplu jkunu minn ta’ quddiem biex f’pajjiżna u anke barra, jipproteġu kull ħajja.

Bil-mixja, għandu jitwassal il-messaġġ ta’ għajnuna lin-nisa kollha, waqt u wara t-tqala, partikolarment lil dawk f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. Il-miżuri kollha marbutin mat-trażżin tal-pandemija se jkunu osservati.