Lokali

Jiġi mniedi il-ktieb “Annetto Depasquale – Wirt għażiż tal-Knisja Maltija”

L-Arċisqof iċċelebra quddiesa b’suffraġju għal ruħ l-Isqof Annetto Depasquale, fl-għaxar anniversarju mill-mewt tiegħu, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Wara, fir-refettorju, saret it-tnedija tal-ktieb Annetto Depasquale. Wirt għażiż tal-Knisja f’Malta - 29/11/21Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Ġabra ta’ rakkonti, ritratti u kitbiet fl-10 sena mill-mewt tiegħu

Il-ktieb “Annetto Depasquale – Wirt Għażiż tal-Knisja f’Malta” ġie mniedi fl-10 anniversarju mir-ritorn tal-Isqof Annetto Depasquale fid-Dar tal-Missier. It-tnedija saret waqt serata kommemorattiva fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, ippreseduta mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna fil-preżenza tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, u għadd
ta’ qraba, saċerdoti u eks kollegi tal-Isqof Depasquale. Qabel it-tnedija tal-ktieb, l-Arċisqof Scicluna ċċelebra quddiesa fil-Kurja stess, b’suffraġju għal ruħ l-Isqof Depasquale li miet fid-29 ta’ Novembru 2011.

Il-pubblikazzjoni ta’ madwar 300 paġna tinkludi 32 paġna ta’ ritratti, profil bijografiku, 24 rakkont differenti ta’ nies li jiftakruh u li ħadmu miegħu f’ambjenti differenti, u diversi kitbiet tal-Isqof Depasquale li qed jiġu ppubblikati għall-ewwel darba. Fi kliem l-edituri tal-ktieb, Mons. Anton Gouder u Dun Kevin Schembri, din il-pubblikazzjoni “mhix
bijografija ta’ Mons. Depasquale imma aktar minn hekk hija tifkira tal-persuna tiegħu u tal-wirt għażiż ta’ ħajtu u ta’ ħidmietu”.

Fil-messaġġ tiegħu waqt it-tnedija, l-Arċisqof Scicluna ddeskriva lill-Isqof Depasquale bħala bniedem li se jibqa’ mfakkar għall-għerf u l-prudenza tiegħu, l-awtodixxiplina, l-umiltà u r-rettezza, is-sens kbir ta’ ġustizzja, kif ukoll għall-qalb kbira li kellu għall-Poplu ta’ Alla. L-Arċisqof qal li “Alla kien fl-ewwel post għal Dun Annett, imma l-imħabba lejn Alla li ma jidhirx ma tistax tinfired mill-imħabba għall-bniedem. Dun Annett, bil-lealtà tiegħu lejn il-Knisja imma wkoll bl-intelliġenza emottiva tiegħu, kien jara f’kull persuna x-xbieha sabiħa tal-Mulej b’mod l-iżjed konkret”.

L-Isqof Annetto Depasquale, li kien magħruf bħala Dun Annett, twieled Ħal Qormi fit-28 ta’ Ġunju 1938 u ġie ordnat saċerdot fl-1962. Huwa sar Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta f’Novembru tal-1989, u ġie kkonsagrat isqof fit-2 ta’ Jannar 1999 mill-Ariċsqof Ġużeppi Mercieca. L-Isqof Depasquale miet fl-2011 fl-età ta’ 73 sena. Il-ktieb, li huwa ppubblikat mill-Klabb Kotba Maltin, jista’ jinxtara online u fil-jiem li ġejjin ser ikun disponibbli mill-Kurja tal-Arċisqof u mill-ħwienet tal-kotba ewlenin.

L-Arċisqof iċċelebra quddiesa b’suffraġju għal ruħ l-Isqof Annetto Depasquale, fl-għaxar anniversarju mill-mewt tiegħu, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Wara, fir-refettorju, saret it-tnedija tal-ktieb Annetto Depasquale. Wirt għażiż tal-Knisja f’Malta – 29/11/21Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti