Lokali Qorti

Joseph Muscat ma jattendiex u jitlef libell kontra Avukat li kiteb fuq Facebook li kien hu li sploda lil Daphne Caruana Galizia

Avukat li ppubblika post fuq Facebook li akkuża lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat li sploda lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġie lliberat mill-libell li kien għamillu Muscat u dan wara li kemm l-eks Prim Ministru u lanqas l-avukat tiegħu baqgħu ma dehrux għall-każ.

L-avukat Christian Grima ixxerja filmat fuq Facebook fit-2 ta’ Mejju tas-sena l-oħra, imtella’ mill-MŻPN li fih kien juri lil mara ta’ Muscat, Michelle Muscat li titkellem dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia. Fil-filmat, Michelle Muscat qalet li ddispjaċiha dwar “x’kien ġara minnha Daphne” imma mhux għall-familja tal-ġurnalista.

“Għidt lili nnifsi ‘issa se jkolli ngħix bil-gideb tagħha’,” kienet qalet Michelle Muscat fl-intervista fuq il-programm ta’ TVM Xtra. B’reazzjoni għal dan il-kumment, Grima kiteb fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook: “Ir-raġel tiegħek splodiha, Michelle. Hekk ġralha.”

Sussegwentement l-eks Prim Ministru fetaħ kawża ta’ libell kontra l-Avukat Grima, u ddeskriva dawn il-kummenti bħala “totalment faloz.” Iżda l-każ qatt ma beda, bil-marixxalli fil-bidu ma jkunux jistgħu jinnotifikaw lil Grima bin-notifika tad-data tiegħu fil-qorti.

Muscat kien naqas ukoll li jersaq għal seduta preċedenti f’Ġunju, bl-avukat ta’ Muscat, Pawlu Lia jinforma lill-Qorti li qal lill-klijent tiegħu biex ma jattendix wara li ċċekkja l-atti tal-każ fir-reġistru tal-qorti u sab li Grima kien għadu ma ġiex notifikat.

Imbagħad il-qorti kienet ordnat li jiġi ppubblikat avviż ta’ ċitazzjoni f’gazzetta lokali. Meta l-Ħamis filgħodu ssejjaħ il-każ fid-9:50 am, kemm Joseph Muscat kif ukoll Christian Grima ma deherux, iżda deher l-Avukat ta’ Christian Grima, Karl Grech, minkejja li messaġġiera tal-Qorti sejħulhom diversi drabi.

L-avukat Grech, imbagħad talab li peress li Muscat u l-avukat tiegħu ma dehrux, il-kawża kontra l-klijent tiegħu kellha taqa’. Il-Qorti pposponiet il-każ għall-10:30am biex tagħti l-aħħar ċans lilll-partijiet, iżda meta reġgħu issejħu, kemm Muscat u l-avukat tiegħu ma dehrux, Grech sostna t-talba tiegħu biex il-każ jiġi miċħud. Il-Maġistrat Rachel Montebello qablet ma’ din it-talba, wara li nnutat in-nuqqas tal-attur u l-avukat tiegħu mis-seduta, minkejja li l-qorti pposponiet is-seduta biex tagħtihom l-opportunità li jattendu aktar tard.