Lokali

L-Abbozz ta’ Liġi dwar l-użu rikreattiv tal-kannabis iħalli mistoqsijiet pertinenti – id-Dipartiment tal-Politika Pubblika

L-Abbozz ta’ Liġi li bih il-Gvern irid jillegalizza l-użu rikreattiv tal-kannabis iħalli mistoqsijiet pertinenti li għandhom ikunu diskussi fil-fora pubbliċi, iżda aktar minn hekk, fil-Parlament.

Hekk qal id-Dipariment tal-Politika Pubblika fi ħdan il-Fakultà tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, li qal li segwa b’interess il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u d-dibattitu fil-Parlament.

Id-Dipartiment qal li jħoss li l-Abbozz ta’ Liġi hu sforz importanti biex ikunu indirizzati lakuni preżenti f’qasam li issa wasal iż-żmien li jkun regolarizzat. Min-naħa l-oħra, qal li hemm bżonn ta’ aktar evidenza li tinforma l-proċess tat-tfassil tal-politika.

Id-Dipartiment tal-Politika Pubblika qal li mhu informat bl-ebda riċerka dwar il-qagħda f’Malta u l-effetti tal-legalizzazzjoni tal-kannabis, inkluż fuq is-saħħa u fuq l-użu tal-art agrikola għall-kultivazzjoni tal-kannabis fuq xeħta kummerċjali. Il-ħtieġa tal-evidenza, frott ir-riċerka xjentifika, tinħass kemm qabel issir il-Liġi kif ukoll wara, ladarba l-Liġi tgħaddi jew ma tgħaddix.

Il-materja delikata ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi la hi dominju għal fehmiet u emozzjonijiet personali u lanqas għad-dixxiplina stretta li jeżerċitaw il-partiti meta jiġu biex jiddibattu u jieħdu vot fil-Parlament. M’hemmx dubju li l-karba ta’ ħafna entitajiet biex tkun ikkummissjonata riċerka dwar l-użu tal-kannabis għar-rikreazzjoni u l-effetti fuq l-individwu, il-familja, l-ekonomija u s-soċjetà m’għandhiex taqa’ fuq widnejn torox.

Id-Dipartiment kompla li hemm ukoll il-kwistjoni tal-infurzar tal-Liġi, fejn l-identifikazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet li jġorru għadd ta’ awtoritajiet regolatorji u l-Pulizija, inkluż l-Awtorità proposta għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, hi tassew meħtieġa. Għalkemm l-abbozz tal-Liġi jaħseb għal ċerti kontrolli u restrizzjonijiet, ma jispeċifikax il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Pulizija u mill-awtoritajiet kompetenti biex jassiguraw il-ħarsien tal-Liġi. Għax hu fatt magħruf li pajjiżna għandu korp robust ta’ Liġijiet iżda l-problemi jibqgħu fl-infurzar.

Id-Dipartiment tal-Politika Pubblika qal li fil-każ tal-Liġi tal-Kannabis għall-użu Rikreattiv, l-Istat ma jaffordjax imur żmerċ għax, bħal kull sustanza narkotika oħra, il-kannabis tista’ twassal għall-ħsara fuq is-saħħa individwali, iżda wkoll fuq is-saħħa kollettiva tal-komunitajiet tagħna. F’dan il-kuntest, teħtieġ aktar spjegazzjoni dwar il-funzjoni tal-Awtorità Regolatorja li trid tkun imwaqqfa biex tissorvelja din l-attività.

Bħal kull forma ta’ politika oħra, il-Liġi se jkollha effett ukoll fuq oqsma oħrajn u taf ukoll tikkuntrarja politika eżistenti. Għalhekk hu essenzjali li qabel ma tidħol fis-seħħ, wieħed iqis u jkun ippreparat li jsegwi u jimmaniġja l-implikazzjonijiet għal dawn l-oqsma, inkluż l-edukazzjoni, is-saħħa pubblika, il-familja u ż-żghażagh, kif ukoll l-ambjent u l-effett fuq l-ekosistema, l-użu tal-art, il-ħamrija, l-agrikoltura u l-konsum tal-ilma, fost l-oħrajn.

Fuq kollox, tenna d-Dipartiment Universitarju, in-natura u l-kontenut dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sensittivi ħafna u kontroversjali. Il-Gvernijiet huma obbligati jirrispettaw id-diversi interessi – favur u kontra – filwaqt li jeżerċitaw il-prudenza biex jevitaw li jikkargaw tensjonijiet soċjali. Dan għax l-użu tal-kannabis għal skopijiet rikreattivi għandu implikazzjonijiet serji u mifruxa mil-lat etiku, politiku u soċjali.

Għaldaqstant, id-Dipartiment tal-Politika Pubblika jemmen li kull Membru Parlamentari għandu jitħalla ħieles meta jiddibatti u jieħu vot dwar din il-Liġi għax, f’ċirkostanzi bħal dawn, il-kuxjenza għandha tiġi qabel il-lealtà lejn il-pożizzjonijiet uffiċjali tal-partiti.