Lokali Qorti

L-Editur tat-Times jiċħad li l-ġurnal sab ix-xoqqa f’moxta biex ikeċċi lil Ivan Camilleri

L-Editur tal-ġurnal Times of Malta ddeskriva bħala “gidba ” argumenti li saru li l-gazzetta kienet “ qed tfittxex skużi jew raġunijiet”, f’kelma waħda li sab ix-xoqqa f’moxta biex ikeċċi lill-eks ġurnalist Ivan Camilleri. L-editur kien qed jixhed f’numru ta’ kawżi ta’ libell imressqa mill-editur maniġerjali tal-MaltaToday Saviour Balzan kontra Ivan Camilleri, li wkoll ippreżenta kawżi ta’ libell għad-danni.

Camilleri tkeċċa mit-Times f’Diċembru fl-2019, wara li l-MaltaToday irrapporta li kien seraq oġġetti b’valur ta’ eluf ta’ ewro mis-supermarket Valyou, illum Wellbees. Sussegwentement huwa ċaħad bil-qawwa l-allegazzjonijiet f’post fuq Facebook u akkuża lil Balzan li pprova “jagħmel storja minn inċident sfortunat”.

Dan wassal lil Balzan jfittxu għal libell. Sussegwentement, Camilleri għamel l-istess kontra l-MaltaToday fejn fetaħ kawża ta’ libell, fejn sostna li r-rapporti kienu kollha gideb. Il-każijiet kollha relatati kellhom seduti quddiem il-maġistrat Rachel Montebello.

Iċ-Chief Editor tat-Times of Malta Herman Grech spjega li t-Times għall-bidu kienet ħarġet stqarrija li tappoġġja lil Camilleri, iżda aktar reġġgħet kollox lura wara li l-kwistjoni ġiet investigata. L-istqarrija oriġinali kienet akkużat lill-MaltaToday li fehmet ħażin il-fatti f’attentat malizzjuż biex tqarraq bil-qarrejja.

Din id-dikjarazzjoni kienet sussegwentement aġġornata xahrejn wara. Dan wara investigazzjoni interna li qalet li kienet “skopriet verżjoni kontradittorja tal-avvenimenti, li ġiet ikkonfermata minn numru ta’ individwi.” Mistoqsi llum mill-avukat ta’ Camilleri dwar jekk kienx jaf bix-xhieda bil-ġurament ta’ Ray Mintoff, sid is-Supermarket, fi proċeduri oħra li jinvolvu lil Allied Newspapers fuq l-istess merti, Grech qal li kien jaf biss li xehed.

“Hija gidba bla bażi li ngħidu li konna qed infittxu raġunijiet biex inkeċċu lil Camilleri,” insista Grech, li wassal għal skambju qasir u jaħraq bejn l-avukati tal-partijiet. F’seduta preċedenti, Grech kien qal lill-Qorti li kien kellem lill-kap ta’ ValYou, Ray Mintoff, li fil-bidu kien naqqas l-importanza tar-rapport tal-MaltaToday.

Iżda meta ppressat aktar, Mintoff kien imbagħad qallu li l-inċidenti ta’ serq mill-ħwienet kienu problema rikorrenti u li Camilleri kien ħallas lura €5,000 mill-ammont pendenti għal oġġetti li hu jemmen li ttieħdu u ma tħallsux. Kontro-eżaminat illum dwar dan il-punt mill-avukat Veronique Dalli, Grech qal “iċ-ċifri kienu xokkanti, jammontaw għal bejn €11,000 u €18,000.”

Żied jgħid li Mintoff qallu li ma għamilx rapport lill-pulizija dwar l-inċident peress li ma riedx ikabbar l-istorja u ma riedx il-pubbliċità. L-Avukat Peter Fenech, li deher għal Ivan Camilleri, li llum ukoll kien preżenti fil-Qorti, ikkonfronta lix-xhud, u qal li kien hemm xhieda li kienet “prattikament l-oppost” ta’ dak li kien xehed Grech.

L-Avukat Dalli fakkret lill-Qorti li kien hemm ukoll ix-xhieda tad-direttur maniġerjali ta’ Times of Malta Michel Rizzo, li kkorrobora l-verżjoni ta’ Grech. “Minn naħa tiegħi, għandi bżonn nagħmel mistoqsijiet, imma sempliċement għax xi ħadd jikteb xi ħaġa ma jagħmilhiex vera. Ħafna nies jiktbu affarijiet anke dwari ,” spjega Grech.

Dalli talbet lix-xhud jispjega x’kien wassal biex l-istqarrija inizjali tiegħu tiġi rtirata. “Kienet diskussjoni li kellna ma’ Ray Mintoff. Jien u Michel Rizzo morna Valyou Supermarket u qattajna aktar minn siegħa miegħu. Diversi nies kienu qalulna wara l-ewwel stqarrija tagħna, li konna ġejna imqarrqa.”

“10 ijiem qabel l-istqarrija tal-MaltaToday, direttur ieħor, mhux Mintoff, kien ċempilli u talab biex jiltaqa’ miegħi. Ma kontx mort, imma aktar tard sirt naf li hu ried ikellimni dwar din il-kwistjoni. “L-istqarrija fejn konna appoġġajna lil Ivan Camilleri, kien żball,” qal Grech. “Nies oħra kienu qalulna biex inħarsu aktar mill-qrib lejn dak li ġara.” L-Avukat Fenech irriserva d-dritt għall-kontro-eżami. Il-kawżi ta’ libell se jkomplu fi Frar.