Lokali

“Ma nafux kif il-liġi tal-kannabis se taffettwa lis-soċjetà” – Prof. Andrew Azzopardi

Il-Gvern tal-Labour jibqa’ jgħid li l-konsultazzjoni dwar il-liġi tal-ħaxixa saret.

Tistgħu ssejħulha li tridu – madanakollu din ir-riforma qed tinnormalizza l-użu tad-droga, u qed nillegalizzawha bil-baħħ… għax m’għandniex biżżejjed informazzjoni.

Sostna dan id-Dekan fi ħdan il-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi, f’ittra indirizzata lill-Membri Parlamentari hekk kif minkejja l-appelli ta’ diversi għaqdiet li jaħdmu fis-settur soċjali….il-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ għaddej romblu u approva l-liġi kontroversjali dwar il-legalizzazzjoni tal-ħaxixa.

Azzopardi sostna li filwaqt li jinsab ċert li mhux kull Deputat tal-Gvern tal-Labour jaqbel ma’ din ir-riforma…huwa insista li mill-esperjenza ta’ snin twal fil-qasam soċjali, hemm bżonn li meta tintroduċi riforma bħal din li tista tbiddel is-soċjetà ta’ taħt fuq …din trid tiġi meqjusa sew.

Huwa insista li suġġett bħal dan għandu bżonn ikollu l-kunsens tal-poplu – kunsens nazzjonali u qbil mhux biss bejn il-partiti politiċi iżda anke l-unions, l-akkademiċi u l-assoċjazzjonijiet.

Andrew Azzopardi saħaq li fil-verità l-Gvern għad m’għandux biżżejjed informazzjoni dwar kif din il-liġi se tkun qed timpatta l-kuntest soċjali tagħna. Għaldaqstant sostna li din il-ferneżija li għandu min imexxi biex jirbaħ il-punti politici għax jinstema liberali qed tirriskja li l-politika tinbidel f’governanza mingħajr viżjoni.

Huwa temm jgħid li din il-liġi tal-kannabis m’għandniex inħarsu lejha biss biex nirbħu l-voti iżda għandu jkun hemm deċiżjoni bbażżata fuq informazzjoni tanġibbli li tgawdi minnha l-bqija tas-soċjeta.

Dan filwaqt li fost diversi assoċjazzjonijiet oħra li saħqu li ma ġewx ikkonsultati mill-Gvern tal-Labour dwar din id-deċiżjoni…kien hemm il-Fodazzjoni Oasi …illi qalet li l-feedback li kienet bagħtet lill-Gvern ma kienx inkulz bhala parti mir-rapport ta’ konsultazzjoni.

Madanakollu … skont il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ħadd ma ġie injorat.

U minkejja l-appelli tal-NGOs, il-Ministru Abela baqa’ jinsisti ma’ Net News li l-konsultazzjonijiet saru.

Minkejja li diversi NGOs fosthom Caritas Malta saħqu li d-dibattitu parlamentari dwar il-kannabis kien wieħed mgħaġġel ħafna.. issa din il-liġi waslet fil-fażi formali tat-tielet qari fil-Parlament u kull ma jonqos hija d-daqqa ta’ pinna tal-President tar-Repubblika George Vella.