Lokali Qorti

Ma sar l-ebda frame up fil-konfront ta’ George Degiorgio

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Grazio Mercieca qalet li ma sar l-ebda frame up fil-konfront ta’ George Degiorgio, li huwa wieħed minn għadd ta’ persuni mixlijin fil-Qorti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Flimkien ma’ ħuh Alfred, George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż” jinsab mixli bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Ma’ l-aħwa hemm mixlija wkoll Yorgen Fenech, u l-aħwa Adrian u Robert Agius tal-Maksar u Jamie Vella mixlijin li pprovdew il-bomba.

Melvin Theuma kien ammetta l-involviment tiegħu fil-każ u ngħata l-proklama filwaqt li Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” kien ammetta l-involviment tiegħu u ġie kundannat 15-il sena ħabs. Fil-kawża li fetaħ fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, Degiorgio insista li huwa tressaq mixli bil-qtil “fuq il-pretest jew suppożizzjoni li kien jinstab fuq dgħajsa partikolari” meta seħħ id-delitt.

Huwa iddeskriva t-talba tal-prosekuzzjoni biex jinħatar espert biex jidentifika d-dgħajsa li allegatament kien fuqha meta seħħ il-qtil bħala attentat għal frame up. L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija rreferew għad-digriet tal-Qorti li fiha ġew nominati żewġ esperti biex janalizzaw il-filmati li fihom tidher id-dgħajsa “Maya” dakinhar tad-delitt u saħqu li dawn għadhom ma lestewx l-inkarigu u għalhekk ma jistax jgħid li se jkun preġudikat.

Il-prosekuzzjoni qed tgħid li huwa kien fuq id-dgħajsa inkwistjoni u li minn fuqha ċempel mill-mobile phone li kien imqabbad mal-bomba li tpoġġiet fil-karozza misjuqa minn Caruana Galizia biex tisplodi. Il-Qorti qablet mat-teżi tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija li nsistew ukoll li l-prova tad-dgħajsa mhijiex l-unika waħda li fuqha Degiorgio tressaq fil-Qorti.

Jirriżulta mix-xhieda tas-Superintendent Keith Arnaud li l-prova tad-dgħajsa mhix l-unika prova determinanti li wasslet lill-pulizija biex tarresta u takkuża lir-rikorrent bl-omiċidju tal-ġurnalista, imma hija biss waħda fost ħafna provi oħrai Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet it-talba tal-istess Degiorgio biex hija tiddikjara li kellu miksur id-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq. L-Avukat William Cuschieri qed jidher għal Degiorgio.