Futbol Sport

Man Utd jegħlbu lil Arsenal f’partita pjaċevoli… Tottenham b’rebħa komda fuq Brentford

(Ritratt: EPA)

F’Old Trafford, f’partita pjaċevoli Man Utd kisbu rebħa ta’ 3-2 kontra Arsenal fl-ewwel partita mill-ħatra tal-coach il-ġdid Ralf Ragnick. Madankollu Michael Carrick mexxa lit-tim minn Manchester hekk kif Ragnick ma rnexxilux jikseb il-permessi biex jikkowċja lil Man Utd fil-ħin. Kienu Arsenal li fetħu l-iskor fit-13-il minuta b’gowl kontroversjali meta Emile Smith Rowe kkonkluda fil-lasta mid-distanza, bil-goalkeeper David De Gea mal-art wara li fl-azzjoni preċedenti ntrifes minn sieħbu Fred. Minkejja dan ir-referee Martin Atkinson ikkonvalida l-gowl wara konsultazzjoni mal-VAR. Madanakollu Man Utd kisbu d-draw fl-44 minuta meta minn pass ta’ Fred kien Bruno Fernandes li mill-viċin ikkonkluda fix-xibka. Fit-52 minuta Man Utd marru fil-vantaġġ meta minn kontrattakk veloċi kien Marcus Rashford li għadda lejn Cristiano Ronaldo li b’xutt fil-baxx għeleb lil Aaron Ramsdale għal 2-1. Dan kien it-800 gowl fil-karriera ta’ Cristiano Ronaldo. Minkejja dan, tliet minuti wara Arsenal kisbu l-gowl tad-draw meta minn cross ta’ Gabriel Martinelli kien Martin Odegaard li sab ir-rokna tax-xibka għal 2-2. Iżda Man Utd skorjaw il-gowl tar-rebħa fis-70 minuta meta wara konsultazzjoni mal-VAR, Man Utd ingħataw penalty għal foul ta’ Odegaard fuq Fred, bi Cristiano Ronaldo mill-ħdax-il metru ma jiżbaljax għal 3-2.

F’Tottenham Stadium, Tottenham kisbu rebħa konvinċenti ta’ 2-0 fuq Brentford biex telgħu fis-sitt post tal-klassifika bi 22 punt. It-tim immexxi minn Antonio Conte marru fil-vantaġġ fit-12-il minuta meta wara indeċiżjoni fid-difiża, kien Sergi Canos li tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess għal 1-0. Tottenham kellhom jistennew sal-65 minuta biex għalqu l-partita permezz tat-tieni gowl, meta minn kontrattakk veloċi kien Sergio Reguilon li għadda lejn Heung-Min Son li mill-viċin tefa’ fix-xibka għal skor finali ta’ 2-0.

PREMIER LEAGUE

L-Erbgħa: Southampton v Leciester 2-2, Watford v Chelsea 1-2, West Ham v Brighton 1-1, Wolves v Burnley 0-0, Aston Villa v Man City 1-2, Everton v Liverpool 1-4 Illum: Tottenham v Brentford 2-0, Man Utd v Arsenal 3-2