Ambjent Lokali

M’hemmx logħob mal-ispazji ħodor fl-iskejjel – BirdLife Malta

BirdLife Malta esprimiet id-diżappunt tagħha għall-pjani li jinbena ċentru tal-komunità fl-ispazju miftuħ fi ħdan il-grawnds tal-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk. Spazji ħodor fl-iskejjel għandhom valur edukattiv għoli għat-tagħlim fuq barra permezz tan-natura u għandhom rabta mill-qrib mas-saħħa mentali u fiżika tal-istudent, u l-benesseri.

Spazji miftuħa f’ambjenti edukattivi huma assoċjati ma’ motivazzjoni ikbar biex wieħed jattendi l-iskola u ma’ kif wieħed iġib ruħu b’mod ġenerali. Kull proposta li ċċaħħad lit-tfal ta’ Marsaxlokk minn dawn il-benefiċċji mhi xejn ħlief turija ċara tal-livell baxx li bih nitrattaw l-edukazzjoni ta’ kwalità, meta mqabbel ma’ interessi oħra.

Is-suġġerimenti li s-siġar li se jinqalgħu jiġu rilokati għal roof garden biex ‘jitgawdew mill-pubbliku’ turi kemm qed nintilfu fid-dettalji ż-żgħar bla ma naraw l-istampa sħiħa u jirriflettu nuqqas ta’ apprezzament tal-benefiċċji li spazji ħodor u siġar jipprovdu lit-tfal tal-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More.

Filwaqt li s-Sindku għandu raġun meta jgħid li l-grawnds tal-iskola mhumiex indikati bħala ODZ, l-ispazji miftuħa kollha fl-iskejjel għandhom jitqiesu ODZ fl-ispirtu. Fid-dawl ta’ dan nittamaw ukoll li s-Sindku jkun minn ta’ quddiem li jipprotesta meta jiġu ppjanati jew proposti żviluppi f’żoni ODZ.

BirdLife Malta ħolqot l-ewwel ġnien fi skola għan-natura u t-tagħlim lura fl-1993 fil-Primarja tal-Fgura taħt il-programm tagħha Dinja Waħda u minn dakinhar ’l hawn għenet diversi skejjel oħra fid-disinn u l-ħolqien ta’ ġonna għal edukazzjoni ambjentali fil-grawnds tagħhom. It-tim edukattiv ta’ BirdLife Malta jgħin lillgħalliema biex jużaw dawn l-ispazji biex iqarrbu lit-tfal lejn in-natura.

L-Education Manager ta’ BirdLife Malta Stefania Papadopol sostniet: “Hekk kif ilħajja tat-tfal illum iktar saret waħda fuq ġewwa, l-edukaturi għandhom responsabbiltà li joħorġuhom barra, biex igawdu n-natura u jirrelataw aktar magħha – xi ħaġa li sfat tista’ tgħid għalkollox nieqsa mir-rutina ta’ kuljum tagħhom.

Il-Primarja ta’ Marsaxlokk għandha art u opportunità mill-aqwa li toħroġ il-kurrikulu barra mill-ħitan tal-klassi u wieħed ma jifhimx kif din ilġawhra għandha tinsteraq mill-popolazzjoni żagħżugħa tal-iskola.”

Il-proposta li 920 metru kwadru ta’ ħamrija jispiċċaw mibnija qed issir proprju fi żmien meta madwar id-dinja qegħdin isiru sforzi biex l-iskejjel iħaddru l-grawnds tagħhom u jixxiftjaw il-klassijiet minn ġewwa għal barra biex itaffu l-effett tal-urbanizzazzjoni globali u l-problemi li jġib miegħu l-fatt li t-tfal mhux qed iqattgħu biżżejjed ħin fin-natura.

BirdLife Malta mexxiet b’suċċess numru ta’ proġetti tal-Erasmus+ li permezz tagħhom għenet skejjel jittrasformaw il-grawnds tagħhom fi spazji fejn it-tfal jistgħu jirrelataw man-natura. Bħala parti mill-aħħar proġett ta’ BirdLife Malta Teach, Inspire and Protect (TIP), it-tim edukattiv, qed jiffoka propju fuq il-grawnds tal-iskejjel u l-attitudni tal-għalliema lejn it-tagħlim fuq barra.

Madanakollu, l-ippjanar tal-Iskejjel mhux qed jimxi fl-istess direzzjoni tal-filosofija edukattiva li tressaq lit-tfal eqreb tan-natura. Xhieda ċara ta’ dan hu n-nuqqas totali ta’ green landscaping fl-Iskejjel ġodda kollha li qed jinbnew. Li teqred saħansitra l-ġonna tal-Iskejjel biex tibni fihom, bħalma qed ikun propost li jiġri f’Marsaxlokk, hu insult għall-isforzi biex nipprovdu lit-tfal tagħna bi spazji miftuħin biex jitgħallmu fihom.

Fid-dawl ta’ dan, BirdLife Malta ħeġġet lill-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana u lill-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia biex jingħaqdu mal-protesta tal-pubbliku kontra l-iżvilupp propost f’Marsaxlokk. BirdLife Malta ddikjart l-appoġġ tagħha lill-komunità Xlukkajra fis-sejħa li qed tagħmel lill-Kunsill Lokali tagħha biex jirtira dawn il-pjani.