Kunsilli Lokali Lokali

Milied fil-Pjazza … mill-ġdid f’Birżebbuġa

Birżebbuġa għandha waħda mill-ikbar pjazez f’Malta u dan il-Milied ser jerġa’ jkollha waħda mill-isbaħ pjazez hekk kif matul dan it-tmiem il-ġimgħa ser terġa’ ssir l-attivita’ Milied fil-Pjazza, avveniment mistenni mhux biss mill-komunità, iżda wkoll minn ħafna li jiġu jżuruha minn irħula oħra.  Ta’ kull sena din l-attivita’ tiġi organizzata b’mod volontarju mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali ta’ dan ir-raħal, u ġġib flimkien numru ta’ għaqdiet reliġjużi u soċjali.

Din is-sena Milied fil-Pjazza ser tkun nhar l-4 u 5 ta’ Diċembru. Is-Sibt fil-5.00pm jinfetħu il-bankarelli fejn ser ikun hemm ikel, xorb u ħelu tradizzjonali tal-Milied, flimkien ma’ suq artiġġjanali li jibqa’ miftuħ sal-Ħadd fit-8.30pm. Hawnhekk żgur issibu xi ħaġa li togħġobkom jew xi rigali li tixtiequ tixtru għall-ħaddiehor.

Is-Sibt ser isiru żewġ kunċerti fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali ta’ San Pietru Fil-Ktajjen mill-kor Voca, wieħed fis-7.30pm u l-ieħor fid-9pm. Dawk li jixtiequ jattendu huma mitluba li jċemplu biex jirriservaw post għal prezz ta’ €2. Il-Ħadd ser ikun hemm kunċert fil-Knisja Parrokjali fejn ser idoqqu flimkien iż-żewġ baned lokali, l-Għaqda Mużikali San Pietru Fil-Ktajjen Birżebbuġa u Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa. L-attivita tibda fis-7.30pm u għalkemm se tkun bla ħlas, dawk interessati xorta huma mitluba li jċemplu biex jirriservaw il-post.

Waqt li matul l-attivita’ fil-Knisja ser ikun hemm wirja tal-presepji, wirja ta’ dawl fil-villaġġ tal-Milied isebbaħ iz-zuntier tar-raħal.  Il- Grupp Armar l-1 ta Awwissu ilu jaħdem għal xhur sħaħ biex jagħtu esebizzjoni differenti u li tiġi apprezzata minn kull min ikun preżenti.  It-toroq tal-madwar ser ikunu mżejjna mis-sezzjonijiet rispettivi taż-żewġ baned tal-lokal b’fondi minn skemi tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u tal-Kunsill Lokali Birżebbuġa.

Għal din l-attivita’ ser jiġu mħarsa l-protokoli tal-Covid 19 u għalhekk għal din l-attivita’, kemm barra u anke dawk li ser isiru fuq ġewwa, ser ikun mitlub li tintlibes il-maskla u l-persuni minn 12-il sena ‘l fuq iridu juru ċ-ċertifikat. Tfal taħt din l-età jridu jkunu mal-ġenituri tagħhom.

Għal iżjed informazzjoni jew biex tirriservaw xi biljetti mitluba li ċċemplu fuq 79270902 jew tibagħtu messaġġ fuq il-paġna ta’ facebook Milied fil-Pjazza.