Lokali Qorti

Serb imfittex minn pajjiżu fuq droga se jiġi estradit

Serb li ħarab minn pajjiżu, u li kien instab ħati għal produzzjoni u traffikar ta’ droga u li kien ġie arrestat mill-Pulizija Maltija u tressaq taħt mandat t’arrest Ewropew quddiem il-Qorti f’Ottubru li għadda se jiġi estradit lejn pajjiżu f’deċiżjoni mogħtija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Il-Qorti semgħet kif Mario Marjanov huwa mfittex mill-awtoritajiet tas-Serbja biex jibda jiskonta sentenza ta’ tliet snin u tliet xhur ħabs f’pajjiżu. Meta tressaq il-Qorti huwa ma kien ta l-kunsens tiegħu biex jiġi estradit. Il-Qorti kkunsidrat li s-Serbja huwa wieħed mill-pajjiżi mniżżla fl-Att tal-Estradizzjoni, li r-reat huwa wkoll punibbli skont il-liġijiet Maltin, u li kellha prova tas-sentenzi tal-Qorti li sabu lil Marjanov ħati, il-Qorti qalet li hija sodisfatta li tista’ tilqa’ t-talba tal-estradizzjoni.

Il-Qorti spjegat lil Marjanov li mhux se jiġi estradit qabel ġimagħtejn oħra, u li sadanittant għad għandu dritt jappella mis-sentenza. Skont il-liġi Serba reat bħal dan huwa punibbli mill-anqas bi 12-il xahar ħabs. L-Avukati Charlon Gouder u Ramona Attard deheru għas-Serb filwaqt li l-Ispetturi Omar Zammit, Robinson Mifsud, assistiti minn Dr Ylenia Attard mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed imexxu l-prosekuzzjoni.