Lokali

Abela ma jweġibx dwar it-tħassib tal-għaqdiet u l-unions dwar il-liġi tal-Kannabis

Il-Prim Ministru Robert Abela ma weġibx domandi ta’ Net News dwar it-tħassib li wrew għadd ta’ għaqdiet dwar il-liġi ghall-użu tal-kannabis, u n-nuqqas ta’ konsultazzjoni li saret ma’ dawk kollha involuti fis-settur.

Dwar dan is-suggett id-Dekan tal-Fakultà ghat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopapardi, appella lill-President ta’ Malta biex jipposponi l-iffirmar tal-Ligi dwar l-uzu tal-kannabis. Dan hekk kif aktar ghaqdiet qed jinsistu li huma ma kienux parti mill-konsultazzjoni li suppost saret fl-aħħar xhur.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista minn naħa tagħha spjegat illi ser tivvota kontra din il-liġi li ser tinnormalizza l-użu tad-droga f’pajjiżna u tiskarta għal kollox l-interess tat-tfal u tal-ġid komuni.

Fost dawk li tkellmu fl-aħħar jiem kien hemm ukoll il-Fondazzjoni OASI…illi insistiet li ma ġietx ikkonsultata dwar il-liġi li tillegalizza l-użu tal-Kannabis. Dan qalitu f’ittra li bagħtet lill-membri Parlamentari….fejn insistiet li għandu jiġi ċċirkulat id-dokument li ħarġet l-istess fondazzjoni.

Minkejja dan kollu iżda u minkejja l-appelli ta’ diversi għaqdiet li jaħdmu fis-settur soċjali, il-Gvern baqa’ għaddej ….u it-Tlieta approva fi stadju ta’ kumitat il-liġi kontroversjali dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis – li issa, bħala formalità, tghaddi ghat-Tielet qari tagħha fil-Parlament.