Internazzjonali

Covid-19: Il-WHO twissi li l-pajjiżi kollha jeħtieġu jħejju għal spinta tal-varjant Omicron

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – jew WHO – wissiet li qed jiżdiedu dejjem aktar il-pajjiżi li qegħdin jirrappurtaw inċidenza tal-Omicron; il-varjant Afrikan ġdid tal-Covid-19. Intant, spikkat ukoll it-twissija li l-pajjiżi kollha jeħtieġu jħejju għall-ispinta tal-varjant fosthom matul il-ġranet u l-ġimgħat li jmiss.

Iċ-ċirkulazzjoni ġeografika tal-varjant diġà qed titqies bħala ‘aktar wiesgħa milli ħasbu sa ftit ilu’, bil-WHO tinsisti ħalli l-pajjiżi jieħdu l-miżuri kollha possibbli  biex jilqgħu għas-sitwazzjoni.

Intant —  u waqt li l-Istati Uniti kienet fost l-aħħar pajjiżi li implimentaw regoli tal-ivvjaġġar aktar stretti wara li nstabu numru żgħir ta’ każijiet tal-Omicron f’artijietha – ix-xjenzjati qalu li għadu kmieni wisq biex wieħed jikkonferma li l-varjant kapaċi jikkaġuna mard aktar serju fin-nies.

Il-WHO ħarġet aktar pariri f’din is-sitwazzjoni, bil-kelliema għall-organizzazzjoni jgħidu li l-produtturi tal-vaċċini għandhom iħejju ‘għall-probabbiltà tal-bidliet meħtieġa’ fil-prodotti tagħhom, bil-għan li jipproteġu lin-nies aħjar kontra l-varjant ġdid.

Christian Lindmeier , kelliem ewlieni għall-WHO, qal, waqt djalogu ta’ konsultazzjoni f’Ġinevra. li l-uffiċjali għadhom qed janalizzaw is-serverità u t-trasmissibbiltà potenzjali tal-Omicron – li kien irrappurtat għall-ewwel darba fl-Afrika t’Isfel.

Fl-istess ħin, Lindmeier ikkonferma li ma kien hemm l-ebda imwiet b’kaġun tal-varjant ġdid tal-Covid.

Sadanittant, il-Ġermanja qed tintroduċi r-regoli ġodda għaċ-ċittadini li ma tlaqqmux waqt li qed tilqa’ għar-raba’ mewġa tal-Covid-19. Sar magħruf ukoll li fir-ristoranti, swali taċ-ċinema u s-swali tad-divertiment jistgħu jidħlu biss in-nies li ngħataw it-tilqima jew li fiequ kompletament mill-virus.

It-tilqim ‘ta’ bilfors’ għall-Ġermaniżi kollha jista’ jidħol fis-seħħ b’mod uffiċjali minn Frar li ġej, skond Angela Merkel, li qed tispiċċa minn Kanċillier tal-Ġermanja.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet tas-saħħa lokali jinsabu inkwetati meta l-Ġermanja qed tiffaċċja r-raba’ mewġa tal-Covid u li hi l-aktar waħda qalila għal dan il-pajjiż mill-bidu tal-pandemija. L-aħħar rapporti qalu li l-awtoritajiet irreġistraw mat-390 mewta lokali oħra mill-coronvirus, f’perjodu ta’ 24 siegħa.

Fi żviluppi oħra, sensiela ta’ provi, fir-Renju Unit, għal seba’ tilqim differenti, żvelaw li l-vaċċini tal-Pfizer u Moderna jagħtu l-aħjar protezzjoni lill-individwu fuq livell ta’ booster. Dan meta r-Renju Unit irrapporta mal-54,000 każ tal-Covid — ikkonfermati għall-jum tal-Ħamis biss.

Fl-istess ħin, analiżi speċifika qed tgħid li l-membri ta’ ċerti gruppi etniċi għandhom ċans ogħla li jispiċċaw infettati bil-Covid.