B’413.2mm xita mkejlin matulha, il-ħarifa meteoroloġika li għaddiet, li tkopri x-xhur minn Settembru sa Novembru, kienet l-aktar waħda milwiema mill-1999, meta kienu tkejlu 473.1mm xita. Abbażi tan-norma klimatika maħduma fuq is-snin bejn l-1981 u l-2020, dan ifisser li l-gżejjer Maltin diġà rċevew 83% tal-ilma kollu mistenni matul is-sena tax-xita, li tibda f’Settembru u tispiċċa f’Awwissu.
Fi stqarrija l-Uffiċċju Meterjoloġiku qal l-istaġun beda fuq nota kemxejn diżappuntanti fir-rigward tax-xita, hekk kif f’Settembru niżel anqas minn terz (18.4mm) tax-xita mistennija f’dan ix-xahar. Madankollu, ix-xahar kien segwit minn Ottubru u Novembru li kienu aktar imxarrbin mill-medja, u li għaldaqstant ikkumpensaw għan-nuqqas ta’ xita f’Settembru b’246.2mm u 148.6mm xita, rispettivament.
Matul l-istaġun, ġew irrappurtati 17-il maltempata bir-ragħad, b’dawk l-aktar severi u mifruxin jolqtu lill-gżejjer fil-25 ta’ Ottubru u l-25 ta’ Novembru, wara li żviluppaw sistemi ta’ pressjoni baxxa lejn in-nofsinhar ta’ Malta. F’dawn il-jumejn, li kienu l-aktar milwiema tal-istaġun, l-istazzjon tat-temp tal-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa kejjel 51.6mm u 70.4mm xita.
Fl-aħħar tlitt ijiem ta’ Novembru biss l-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ tliet twissijiet ta’ riħ, hekk kif irjieħ qawwija, li laħqu l-qawwa ta’ riefnu fid-29 ta’ Novembru, laqtu lill-gżejjer Maltin. Fid-29 ta’ Novembru, tkejlet il-buffura massima għax-xahar ta’ 52 knots mill-Punent kwarta Lbiċ. Din kienet buffura ħafna aktar qawwija minn dawk massimi li tkejlu fix-xhur ta’ Settembru u Ottubru ta’ 26 knots u 38 knots, rispettivament.
It-temperatura tal-arja medja għal Novembru kienet 0.6°C ogħla min-norma klimatika ta’ 17.6°C. Madankollu, hekk kif ir-riħ żdied, it-temp beda jiksaħ, bit-temperatura tal-arja tibda nieżla sakemm eventwalment waqgħet sa 9.9°C fl-aħħar jum ta’ Novembru. L-ogħla temperatura tal-arja tal-ħarifa meteoroloġika ta’ 34°C, min-naħa l-oħra, inlaħqet f’Settembru, li wkoll kien aktar sħun mill-medja. It-temperatura tal-wiċċ tal-baħar kienet bejn 1.1°C u 2.5°C ogħla min-norma klimatika matul il-ħarifa, u niżlet minn medja ta’ 28.0°C f’Settembru għal 22.1°C f’Novembru.
Il-jiem bil-maltemp li esperjenzaw il-gżejjer Maltin matul il-ħarifa li għaddiet kienu bbilanċajti b’575.3 siegħa xemxin imkejlin bejn Settembru u Novembru. Madankollu, dan it-total ta’ sigħat xemxin kien inqas minn dak mistenni matul l-istaġun ta’ 651.5.
//= $special ?>