Lokali

Il-PN b’għadd ta’ proposti għall-ġid tal-ħaddiema

Xogħol l-Oppożizzjoni hu li juri l-inkonsistenzi, bl-obbligu li jtejjeb is-sitwazzjoni, kemm għax dak huwa dmir morali, u anke għaliex huwa dmir politiku.” Dan huwa dak li qal id-Deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi waqt il-konferenza nazzjonali tal-UĦM Voice of the Workers li tlaqqgħet f’lukanda f’Buġibba.

Jason Azzopardi fakkar kif il-PN diġà ħejja għadd ta’ proposti fejn l-ideat tiegħu preżentahom fid-dokument ta’ qabel il-budget, u se jkun qed iniedi aktar ideat fil-ġimgħat li ġejjin.

Huwa qal li l-Gvern Laburista mill-2013 ‘l hawn ma ġabx industrija ġdida. U stqarr illi li kieku pajjiżna jinsab f’pożizzjoni aħjar u mhux greylisted, kieku Malta kien ikollha ċans tattira investiment ġdid u li jrendi…. u xogħol ta’ kwalità.

Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella semma diversi punti li llum qed iħassbu lill-ħaddiema, inkluż il-prekarjat.

Josef Vella semma’ ukoll il-kuntratt ta’ Steward fejn stqarr li d-deal tal-isptarijiet huwa deal mhux sostenibbli, u li mhux irendi – anzi qed jagħmel l-oppost.

Intant, tul il-konferenza il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ammetta li hemm ħafna affarjiet fl-ispiża tal-Gvern li mhux jagħmlu sens.