Internazzjonali

L-Awstrija: Karl Nehammer hu l-Kanċillier ġdid fost it-tmiem tal-era ta’ Kurz

Il-Partit tal-Poplu konservattiv fil-Gvern fl-aħħar sigħat għażel lill-Ministru tal-Intern, Karl Nehammer, biex jieħu t-tmun tal-partit – u effettivament it-tmexxija tal-Awstrija. Dan wara 24 siegħa ta’ taqlib politiku kbir u meta l-pajjiż qed jiftaħ paġna ġdida wara t-tmexxija tal-eks Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz.

Il-konferma ta’ Nehammar (ritratt), fil-fatt, ikkonfermat ukoll it-tmiem tal-karriera ta’ Kurz, li kien għad għandu biss 31sena meta laħaq Kanċiller tal-Awstrija fl-2017.

Kurz kien irtira minn Kanċillier f’Ottubru u meta Nehammer huwa t-tielet għażla tal-Partit tal-Poplu biex jassumi l-kariga ta’ Kanċillier.

Hu minnu wkoll li Sebastian Kurz qed ikun investigat wara li spiċċa implikat fi skandlu ta’ korruzzjoni. Intant, Kurz, nhar il-Ħamis, irriżenja minn kap tal-partit fil-Gvern – waqt li ftit wara, Alexander Schallenberg, is-suċċessur tiegħu, ikkonferma li kellu jirriżenja wkoll ladarba l-Partit tal-Poplu kellu jagħżel il-kap ta’ warajh. 

Il-Partit tal-Poplu jinsab f’koalizzjoni mal-Ħodor li kienu rtiraw l-appoġġ għal Sebastian Kurz ladarba l-prosekuturi kkonfermaw li kienu qed jinvestigaw lill-eks Kanċillier Awstrijak.

Intant, Karl Nehammer qal li ‘qed iħossu privileġġjat’ wara li spiċċa l-għażla unanima tal-Partit tal-Poplu biex imexxi dan il-partit u pajjiżu.

Il-Ħodor mhumiex qed jikkuntestaw lil Nehammer u dan ifisser li hu għandu jsir President ladarba jiffissaw id-data taċ-ċerimonja tal-ġurament u f’liema proċess se jkollu sehem il-President tal-Awstrija, Alexander Van der Bellen.

B’kollox, nhar il-Ħamis, kien hemm tliet riżenji mill-partit fil-Gvern – u fejn spikkat ir-riżenja ta’ Gernot Blümel minn Ministru tal-Finanzi. Intant, minħabba l-iżviluppi, Nehammer kellu jimpenja ruħu għal reshuffle immedjat tal-Kabinett fi Vienna.