Lokali

L-ewwel difna ta’ granmastru wara 234 sena

Il-Ġimgħa sar il-funeral u d-difna tal-Granmastru Fra Matthew Festing fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann… l-ewwel funeral ta’ Gran Mastru f’pajjiżna wara iktar minn 230 sena, u l-ewwel difna ta’ Gran Mastru wara iktar minn 400 sena fil-Kripta tal-Kon Katidral.

Fra Matthew Festing, li hu d-79 Granmastru tal-Ordni Sovrana ta’ Malta, miet f’pajjiżna madwar tliet ġimgħat ilu fl-età ta’ 71 sena.

Il-funeral tieghu beda b’korteo funebri mill-Isptar Mater Dei lejn il-Kon Katidral biex imbagħad il-quddiesa tmexxiet mid-Delegat Speċjali tal-Papa, il-Kardinal, Silvano Tomasi u l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna.

Għal dan il-funeral attendew l-għola awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, membri tal-familja ta’ Festing, kif ukoll l-għola uffiċjali tal-Ordni Sovrana ta’ Malta.

Fi tmiem il-quddiesa saret id-difna tal-Granmastru f’forma privata biex b’hekk fil-Kripta tal-Kon Katidral issa hemm 12-il Granmastru midfuna.

Il-Kripta hi meqjusa bħala post uniku hekk kif l-ebda post ieħor fid-dinja m’hemm dan l-ammont ta’ granmastri midfunin f’post wieħed.

L-aħħar funeral ta’ Granmastru li kien sar f’Malta kien dak ta’ De Rohan fl-1797.