Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia kkonfermat illi fil-Montenegro se tinfetaħ inkjesta sabiex tinvestiga lill-Gvern Laburista, politiċi tal-Montenegro, negozjanti u ismijiet fil-Kabinett ta’ pajjiżna. Dan b’rabta mad-deal skandaluż tal-windfarms.
Il-Parlament tal-Montenegro, fl-aħħar jiem, ivvota favur li tinfetaħ din l-investigazzjoni fuq il-mod kif sar id-deal tal-windfarms f’Mozura.
Is-sena l-oħra kien ġie żvelat illi għaxart t’ijiem qabel ma nxtraw dawn il-windfarms fil-Montenegro mill-Enemalta, il-kumpanija Nexia BT kienet qed tlaħħam il-pjan dwar il-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri …u r-rabta taghhom ma’ 17 Black.
Mid-deal tal-Montenegro, is-sid ta’ 17 Black, Yorgen Fenech daħħal €4.6 miljun.
Dan ħareġ minn evidenza żvelata mill-Aġenzija Reuters u mit-Times of Malta.
Fil-fatt, l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, daħħal €4.6 miljun fi profitt permezz tal-kumpanija tiegħu 17 Black wara d-deċiżjoni tal-Enemalta li tixtri windfarm fil-Montenegro.
Iżda quddiem dawn il-provi kollha, Joseph Muscat kien baqa’ jinsisti li bħal donnu ma jaf b’xejn.
Imdaħħal f’dan id-deal kien hemm ukoll l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff Keith Schembri.
Għad-domandi ta’ Net News, id-deputati tal-Gvern dejjem kienu skomdi jwieġbu dwar x’azzjoni għandha tittieħed fil-konfront ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi. U d-Deputat Prim Ministru, fl-2020, kien għażel li jidħol minn bieb ieħor biex jevita li jwieġeb dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela fil-konfront ta’ Muscat u Mizzi.
//= $special ?>