Lokali

L-MUMN tappella lill-President biex ma jiffirmax il-liġi tal-kannabis

Il-Union tal-infermiera u tal-qwiebel qed tappella lill-President ta’ Malta George Vella, li hu nnifsu hu tabib, sabiex ma jiffirmax l-Abbozz ta’ Liġi li sejjer jillegalizza l-użu tal-Kannabis f’Malta qabel ma jidħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa għall-pazjenti fl-isptarijiet u r-residenti anzjani.

Fi stqarrija maħruġa l-Ġimgħa filgħodu… L-MUMN innotat li f’din il-Liġi, ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tirregola dan u għalhekk… kwalunkwe infermier, tabib, jew saħansitra carer jistgħu ikunu taħt l-influwenza tal-kannabis waqt li jkunu għaddejjijn bix-xogħol tagħhom.

Kaġun ta’ dan, jista’ jkun li f’ċertu ċirkostanżi dawn il-profesjonisti ma jkunux f’kundizzjoni biex jgħaddu ġudizzju xieraq.

L-MUMN saħqet li s-sigurtà tal-pazjent m’għandhiex tkun ipperikolata minn ebda liġi u l-membri parlamentari għandhom ikunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan l-abbozz. Inċident żgħir jista’ jseħħ faċilment taħt l-influwenza tal-kannabis u dan qed iqajjem tħassib kbir fost diversi għaqdiet u professjonisti.

L-MUMN qalet li hi temmen li huma x’inhuma d-drittijiet tal-individwu fir-rigward tal-kannabis, qatt ma għandhom ikunu ta’ detriment fuq pazjenti vulnerabbli.

l-Union sostniet li l-liġi għandha tipproteġi lill-pazjent f’kull ħin u kull mument… u li tgħaddi liġi li tillegalizza l-użu tal-kannabis mingħajr dispożizzjoni speċjali għall-isptarijiet u r-residenzi tal-anzjani huwa diżrispett kbir. Dan jirriżulta wkoll f’irresponsabbiltà kbira lejn il-pazjenti li fdaw ħajjithom f’idejn il-professjonisti tas-saħħa.

“L-isptarijiet għandhom ikollhom id-dritt li jittestjaw id-demm u l-awrina għall-kannabis u kull tip ta’ droga, inkluż l-alkoħol u tittieħed azzjoni meta jinstabu livelli inaċċettabli tas-sustanzi fl-individwu.” L-union kompliet billi saħqet li żball żgħir jista jfisser ħajja jew mewt għal persuni vulnerabbli u talbet biex l-isptarijiet u r-residenzi jkollhom id-dritt li jwaqfu kwalunkwe impjegat, speċjalment dawk f’kuntatt dirett mall-pazjenti jekk ikunu qed jidhru xi effetti tal-kannabis, irrispettivament mill-liġi li se tillegalizzaha.

Qalet ukoll li se tkun qed tiddiskuti din il-kwistjoni u li se titlob laqgħa urġenti fil-livell tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku dwar il-leġiżlazzjoni tal-kannabis, liema leġiżlazzjoni qed tgħaddi mill-parlament.

Bħalissa l-abbozz tal-liġi dwar ir-riforma tal-kannabis għadda mill-istadju tal-kumitat, mingħajr ma ġew emendati bidliet kbar waqt sessjoni ta’ erba’ sigħat. Dan l-abbozz huwa mistenni li jgħaddi mit-tielet qari fil-Parlament, minħabba li l-Gvern għandu l-maġġoranza. Fl-aħħarnett, huwa mistenni li l-liġi tiġi ffirmata mill-President George Vella.