Lokali

Premju prestiġġjuż lil Mariella Pisani Bencini għall-kontribut fis-settur artistiku

Il-kontribut b’risq l-arti u l-artisti li l-preżentattriċi ta’ NET Television Mariella Pisani Bencini ilha tagħti għal tant snin, kien rikonoxxut mis-Soċjetà Maltija għall-Arti bl-għoti ta’ premju prestiġġjuż tal-Midalja tad-Deheb.

Taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella, is-Soċjetà faħħret l-impenn ta’ Mariella f’dawn l-aħħar 27 sena kemm ilu jixxandar il-programm Meander, inkluż fuq NET Television.

Għal din l-okkażjoni, f’kumment lil NET News, Mariella Pisani Bencini esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-premju, filwaqt li wegħdet l-impenn tagħha għal dan is-settur fis-snin li ġejjin.

Din l-attività ssir ta’ kull sena biex ikun rikonoxxut il-kontribut fis-settur artistiku, għalkemm sfortunatament iċ-ċerimonja kellha tinqabeż is-sena li għaddiet kawża tal-pandemija.

F’din l-edizzjoni, Angele Galea qrat messaġġ miktub minn Ġorġ Peresso li faħħar lil Mariella Pisani Bencini u spjega kif din ilha tagħti qalbha għall-arti u l-artisti Maltin u Għawdxin.

L-attività kienet indirizzata wkoll mill-President ta’ Malta nnifsu, li qal li mingħajr nies bħal Mariella Pisani Bencini, is-settur tal-arti jispiċċa jintesa. Min-naħa tagħha, Mariella kienet intervistata minn Marica Azzopardi, filwaqt li dawk preżenti setgħu jsegwu siltiet mużikali mill-Maestro Mark Spiteri Lucas.

Min-naħa tiegħu, il-President tas-Soċjetà Maltija għall-Arti Adrian Mamo qal li persuni bħal Mariella Pisani Bencini huma katalisti għal dan is-settur grazzi għas-sehem u l-impenn kontinwu tagħhom.

Sadanittant, mument emozzjonanti għal Mariella matul din l-attività kien meta – wara li ngħatat il-Midalja tad-Deheb mill-President ta’ Malta – in-neputi tagħha Max Ghio ppreżentalha bukkett tal-fjuri imħejji għaliha mis-Soċjetà Maltija għall-Arti.