Internazzjonali

Stati Uniti: ‘Fatali’ għall-karriera ta’ Alec Baldwin

L-attur veteran Alec Baldwin ammetta li l-karriera tiegħu ‘x’aktarx li spiċċat’ wara inċident. f’Ottubru, fejn iċ-ċinematografiku Halyna Hutchins tilfet ħajjitha waqt sparatura u meta hi, Baldwin u grupp ta’ nies kienu kollh fuq is-sett tal-film ‘Rust’.

Baldwin, li għandu 63 sena, qal, waqt intervista lill-ABC News, li ‘ma jimpurtahx mill-impatt tal-inċident fuq il-karriera tiegħu’. Sadanittant hu għadu jinsisti li ma ġibidx il-grillu tal-arma li wasslet għat-traġedja fi New Mexico, fil-21 ta’ Ottubru li għadda.

Baldwin qed jgħid li ‘xi ħadd poġġielu balla’ fl-arma u li ‘hu żgur li hu ma kienx din il-persuna’. L-attur saħaq li ma jafx s’seta’ seħħ fuq is-sett dakinar u ‘ma għandux idea dwar kif kien hemm il-munizzjon ta’ vera fl-inħawi’.

Alec Baldwin irrakkonta li, waqt il-provi tal-episodju ta’ ‘Rust’, Halyna Hutchins kienet qed tidderiġih il-ħin kollu. L-attur kompla li filwaqt li hu ma jħossx sens ta’ ħtija għal dak li seħħ, l-inċident inkwistjoni affettwah bil-kbir, emozzjonalment.

Baldwin hu magħruf l-aktar għall-interpretazzjoni tiegħu fis-sitcom Amerikan 30 Rock u għall-impersonazzjoni tal-eks President Amerikan Donald Trump fis-sketch show ‘Saturday Night Live’.