Lokali

AĠĠORNATA: Aidan Bartolo jwieġeb mhux ħati, jittieħed lura l-isptar għall-kura

Aidan Bartolo ta’ 24 sena li nstab mill-Pulizija mistoħbi fil-ħaxix fil-Miżieb nhar il-Ħamis tressaq il-Qorti llum waranofsinhar.

Iż-żagħżugħ qanqal operazzjoni twila u delikata nhar jumejn ilu wara li ħarab mill-Pulizija hu u jsuq fil-Mellieħa. Bartolo li kien magħruf mal-Pulizija kien akkużat b’attentat ta’ qtil, attentat ta’ feriti gravi, li kkaġuna feriti fuq Pulizija, li saq b’mod perikoluz, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li huwa reċediv, fost akkużi oħra.

Iserraħ fuq il-krozzi, hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Jidher li r-raġel kien qiegħed taħt għajnejn il-forzi tal-ordni fil-jiem preċedenti, u nhar il-Ħamis waqt li kien qed isuq fil-Mellieħa innota li kien qeg jiġi segwit mill-Pulizija. Kien hawn li huwa saq b’veloċita kbira u hu mifhum li waqt li kien qed iseħħ dan kollu ġew sparati wkoll xi tiri.

Bartolo baqa’ jsuq lejn iż-żona tal-Miżieb fejn ħalla l-vettura li kien fiha u ħarab. Il-Pulizija, uħud minnhom lebsin ġgieget bulletproof, kif ukoll uffiċjali tal-AFM għamlu kważi sitt sigħat ifittxu lir-raġel li nstab mistoħbi qalb is-siġar u l-ħaxix f’din iż-żona f’xi nofsillejl.

Rapporti mhux ikkonfermati qalu li r-raġel huwa involut f’ċirku ta’ traffikar tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukat Anthony Vella mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, li qed ikun assistit mill-Ispettur Marshal Mallia. Għal Bartolo dehru l-avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Marion Camilleri.