Lokali

“Ħudu r-riedni f’idejkom” – Konferenza Nazzjonali tal-PN fil-Jum Dinji għall-persuni b’diżabbiltà

Il-Partit Nazzjonalista organizza Konferenza Nazzjonali fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-persuni b’diżabbiltà.

Il-Konferenza li bdiet għall-ħabta tad-9.00 tinkludi diversi kelliema marbuta ma’ dan il-qasam.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fetaħ il-konferenza b’messaġġ li fih qal li kull diżabbiltà, żgħira jew kbira, ixxekkel lill-individwu u huwa xogħol il-politiku li jwitti dawn id-diffikultajiet. Huwa saħaq li madankollu dan il-politiku ma jistax iqisu bħala xi għotja ta’ privileġġ imma bħala l-ħarsien tad-dritt li kull persuna jingħata l-għodda biex jgħix b’dinjità.

Mistiedna tindirizza din il-Konferenza kien hemm ukoll il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca li spjegat kif għad m’hawnx għarfien bizżejjed li dawn huma persuni b’potenzjal filwaqt li insistiet li għad hawn bżonn ta’ aktar investiment. Marie Louise Coleiro Preca awgurat li kemm il-poplu kif ukoll l-awtoritajiet tal-pajjiż jibqgħu jemmnu b’kull individwu, tkun xi tkun id-diżabbiltà tiegħu, ħalli naslu aktar milli wasalna.

Minn naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar, li huwa nieqes mid-dawl, irrefera għat-tema tal-konferenza u qal li hu jmur pass oltre u jgħid “ħudu r-riedni f’idejkom skont l-abbiltajiet tagħkom”. Hu spjega li għaliex kull bniedem huwa differenti, kull bniedem b’diżabbiltà, anke dawk bl-istess diżabbiltà, huwa differenti. Għaldaqstant hu importanti li kulħadd ikun meqjus bħala individwu u li mhux nitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda.

Jamie Vella, President tal-FOIPN qal li l-ugwaljanza, l-opportu itajiet indaqs u l-preżervazzjioni tad-dinjità taċ-ċittadin għandhom ikunu l-prioritajiet ta’ kulħadd u aktar u aktar tal-politiċi għaliex dan huwa dak li jiddefnixxina, filwaqt li staqsa kif nistgħu niddiskutu l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer u l-mina bejn Malta u Għawdex meta għadna qed naħdmu b’vapur li jeskludi l-persuni b’dizabbiltà.

Tkellmet ukoll, Maria Deguara, Kelliema tal-PN għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità li saħqet li huwa d-dritt ta’ kull persuna li jgħix ħajja attiva, ħajja ta’ dinjità u kull fejn possibbli li jaħdmu u jikkontribbwixxi s-sehme tiegħu lis-soċjetà. Hija qalet li l-liġijiet ġodda huma tajbin, imma fl-aħħar mill-aħħar l-importanti hu li nattwaw dak kollu li jista’ jgħin itejjeb il-ħajjiet ta’ dawn il-persuni.

Fost il-kelliema kien hemm ukoll diversi letturi mill-Università, rappreżentanti ta’ għadqdiet u support groups marbuta mal-qasam tad-diżabbiltà, psikologi u psikjatri, ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltajiet u adulti b’diżabbiltajiet.