Ambjent Lokali

Il-Captain Morgan twaqqa’ l-pjan li tibni moll fil-Balluta

Il-kumpanija Captain Morgan ħabbret li l-jetty pjanat għall-bajja tal-Balluta mhuwiex se jsir. Minflok, qed tevalwa siti alternattivi.

Dan il-proġett huwa parti mill-pjan tal-kumpanija li tibda toffri servizz ta’ trasport bil-baħar f’diversi zoni tal-kosta qrib Tas-Sliema u San Ġiljan. Fil-fatt, il-pjan għall-katamaran kien ħoloq kontroversja kbira.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li se tibqa’ tisma t-tħassib tan-nies. Ftit tal-jiem ilu, iddaħħlu mat-800 oġġezzjoni kontra l-applikazzjoni għall-bini ta’ moll fil-bajja tal-Balluta.

Dakinhar kien intqal illi l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, dak tas-Swieqi u tmien għaqdiet esprimew ir-rabja tagħhom għall-aħħar attentat tal-Grupp Fortina “biex jisirqu l-bajja tal-Balluta”, bil-bini ta’ moll għal katamaran ta’ 33 metru, dieħel u ħiereġ mill-bajja 22 darba kuljum.

Min-naħa tiegħu, f’kumment fuq Facebook, is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg qal li jilqa’ b’sodisfazzjon din l-aħbar, li qal hi rebħa għal San Ġiljan, għas-sens komun u għall-ġid komuni.

Albert Buttigieg qal li dan l-iżvilupp juri li meta jsir id-djalogu u meta ċ-ċittadini jingħaqdu, nistgħu naslu. Fl-istess waqt, hu rringrazzja wkoll lill-kumplament tal-Kunsill Lokali, immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, kif ukoll lill-għaqdiet li taw l-appoġġ tagħhom għal din il-kawża.