Kummerċ Lokali Parlament

“Irrid li l-Parlament tassew ikun l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

“Irridu nifhmu li dan il-pajjiż ħa daqqa għaliex għandna Gvern li ħataf l-istituzzjonijiet kollha.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu mill-Professur Andrew Azzopardi waqt il-programm tar-radju ‘Andrew Azzopardi on 103‘.

Bernard Grech stqarr li l-kejl tal-Gvern ta’ Robert Abela mhux qed isir b’mod ugwali ma kulħadd, bħalma ġara fil-każ tad-Deputat Rosianne Cutajar. U fakkar kif l-Ispeaker Anġlu Farrugia taha biss twissija permezz ta’ ittra.

Kien għalhekk li din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni ressqet abbozz ta’ liġi li se jemenda l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika – abbozz li permezz tiegħu l-Oppożizzjoni qed turi illi l-Parlament verament ghandu jkun l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Il-Kap tal-PN ma jsekludix li jittieħdu azzjonijiet addizzjonali jekk ma jkun hemm ebda azzjoni mill-Gvern.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar kif l-istazzjon nazzjonali jinsab maħtuf mill-Gvern u sar notice board tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministri u d-Deputati tal-Gvern.

Dwar il-bidla fil-klima, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv anke f’dan ir-rigward fejn qed jipproponi li tkun indirizzata l-ħsara li qed issir fl-arja tagħna. Huwa għamel referenza għan-nuqqas ta’ ippjanar fl-infrastrutta ta’ pajjiżna fejn għandha tkun inidirzzata l-problema tat-traffiku mhux biss bili jsir twessiegħ tat-toroq.

Bernard Grech enfasizza l-importanza li nieħdu ħsieb ir-riżorsa naturali l-iktar importanti f’pajjiżna – dik tal-ilma.

Dwar il-kannabis il-Kap tal-PN fakkar kif il-partit għamel konstultazzjoni ma’ diversi organizzazzjonijiet u l-Gvern wera b’mod ċar li ma jridx jisma’ minn dak li qed jgħidulu l-esperti. 

Bernard Grech qal li l-prijorità assoluta bhalissa ghandha tkun li Malta titneħħa minn fuq il-lista l-griża, ghaliex minħabba dan kollu qed tkompli tittappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. 

Huwa għamel aċċenn ukoll għall-85,000 persuna li qed jgħixu fil-faqar, kif ukoll il-problema tal-għoli tal-ħajja. Fakkar kif ta’ kuljum il-Gvern qed jisraq lill-poplu Malti fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed li jagħti lura kull ewro li nsteraq u jirranġa dawn l-omaliji fis-sistema ta’ kif jinħadmu dawn il-kontijiet.

U dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs, Bernard Grech qal li ma jistax ikun li dawn il persuni nibqgħu nitrattawhom b’nuqqas ta’ dinjità. Saħaq li quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi ta’ dawk kollha li qed iħossu li qed jtilfu d-dinjita tagħhom.