Lokali

“Irridu nattwaw dak li tkellimna fuqu llum qabel għada” – David Agius dwar il-ħidma fil-qasam tad-diżabbiltà

Il-weġgħet tal-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltajiet, li bħat-tfal kollha għandhom il-ħolm għal ħajjithom, l-isfidi li qed jibqgħu isibu adulti b’diżabbiltajiet fid-dinja tax-xogħol u fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u l-ħidma kbira li għad fadal x’issir f’dan il-qasam kienu fost it-temi diskussi tul il-Konferenza Nazzjonali bit-tema “Ħudu r-Riedni f’Idejkom”, organizzata mill-Partit Nazzjonalista.

F’din il-Konferenza – fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabbiltà – ikkontribwixxew għadd kbir ta’ kelliema, li ddiskutew l-inklużjoni, l-aċċessibilità u s-servizzi li jeżistu f’dan il-qasam. Ma naqasx ukoll id-dibattitu dwar l-edukazzjoni u l-isfidi kbar li għad hemm għal tfal u adulti biex jieħdu l-aqwa edukazzjoni possibbli u li tkun addattata għall-abbiltajiet differenti tagħhom, kif ukoll id-diffikultajiet biex wieħed jidħol fid-dinja tax-xogħol.

Il-Konferenza għalqet bl-intervent tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, li hu wkoll il-Kelliem għall Inklużjoni u Kwalità ta’ Ħajja Aħjar, li qal li l-Partit Nazzjonalista ħass il-ħtieġa li jorganizza din l-attività biex ikompli jixpruna aktar diskussjoni u biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isifidi li għad fadal f’dan il-qasam.

David Agius qal li mid-diskussjoni issa rridu ngħaddu għall-azzjoni u li hu ta’ importanza kbira li nibqgħu nisimgħu lill-persuni b’diżabbilta u lill-esperti, iżda li rridu wkoll nattwaw is-soluzzjonijiet illum qabel għada.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega diversi proposti li qed jagħmel il-Partit biex jgħin lill-persuni b’diżabbiltà, fosthom proposta biex min għandu dan il-bżonn ikollu assistent personali speċifiku għad-diżabbiltà li għandu.

David Agius qal li t-tema tal-Konferenza riedet li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-persuni b’diżabbiltà billi verament ikunu jistgħu jieħdu r-riedni f’idejhom, iżda biex isir dan irridu ninvestu mhux biss il-ħsieb u l-enerġija, imma anke l-flus.

David Agius wiegħed li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jaħdem dejjem aktar ħalli dawk li s’issa għadhom żvantaġġjati jkunu jistgħu jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt, filwaqt li ħabbar li fil-jiem ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se joħroġ għadd ta’ proposti dwar il-pensjonijiet f’pajjiżna.