Lokali

Iweġġa’ gravi wara li daħal f’siġra

Żagħżugħ ta’ 27 sena weġġa’ gravi wara inċident ikrah li seħħ matul il-lejl li għadda fi Triq Nazzjonali, il-Furjana. Dan wara li s-sewwieq, li hu minn Ħal Luqa, tilef il-kontroll tal-vettura Daihatsu Sirion li kien qiegħed isuq u ħabat ma’ siġra.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1:30am.

Iż-żagħżugħ ngħata l-assistenza minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.

Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Intant, f’inċident separat, żagħżugħ spiċċa ferut wara li lbieraħ fis-6pm seħħ inċident fi Triq San Pawl, in-Naxxar.

Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li ż-żagħżugħ ta’ 28 sena residenti San Pawl il-Baħar, tilef il-kontroll tal-vettura AUDI TT li kien qiegħed isuq u kellu mpatt ma’ ħajt.

Huwa ngħata l-assistenza minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.