Ambjent Lokali

Malta għandha tappoġġja Emission Control Area fil-Baħar Mediterran għal arja aktar nadifa – Birdlife

Proposta biex il-Baħar Mediterran jiġi ddikjarat bħala zona fejn il-vapuri jkunu obbligati jaqilbu fuq fuel aktar nadif s’issa kisbet l-appoġġ ta’ diversi Stati tal-Mediterran, b’Malta għadha ma ddikjaratx il-pożizzjoni tagħha dwar din il-Mozzjoni. Uffiċjali tal-Ministeru għall-Ambjent li se jattendu l-COP22 – il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona – li se ssir f’Antalya l-ġimgħa d-dieħla, qed jiġu mħeġġa jappoġġjaw il-ħolqien ta’ Emission Control Area (ECA) għall-emmissjonijiet tal-kubrit.

Il-ħolqien ta’ ECA fil-Mediterran issa ilu snin jiġi diskuss u promoss minn diversi msieħba fir-reġjun tal-Mediterran. It-twaqqif ta’ zona bħal din ikun ifisser li kull bastiment (minn vapuri tal-merkanzija sa cruise liners) li jgħaddi mill-Mediterran jew jieqaf f’portijiet bħall-Port il-Kbir u l-Port Ħieles ta’ Malta, juża fuel b’kontenut anqas ta’ kubrit. Il-benefiċċju aħħari ta’ dan ikun tnaqqis fl-emmissjonijiet ta’ ossidi tal-kubrit (SOx) fl-arja. Emmissjonijiet tal-kubrit fl-arja huma assoċjati ma’ impatt negattiv fuq is-sistema respiratorja tal-bniedem kif ukoll ma’ effetti negattivi fuq il-veġetazzjoni, l-ilma ħelu, il-ħamrija u l-istat ġenerali tal-ekosistemi.

Il-proposta li qed titressaq għall-vot hi amenda għal Regolament 14 tal-Anness VI tal-MARPOL, regolamenti li jiffurmaw parti minn konvenzjoni internazzjonali dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri, irregolata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Ir-riżultat aħħari jkun Sulphur Emission Control Area (SECA), meqjusa bħala l-ewwel pass f’bidla gradwali lejn fuels aktar nodfa mit-tbaħħir li eventwalment twassal għal aktar tnaqqis anke fil-kontenut ta’ nitroġenu, kif ġara fl-Ewropa bit-twaqqif ta’ Sulphur u Nitrogen Emission Control Areas fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baltiku.

Malta għandha wieħed mill-akbar reġistri tat-tbaħħir fid-dinja u bil-qagħda strateġika tagħha, fin-nofsinhar tar-rotot prinċipali tat-tbaħħir bejn il-Kanal ta’ Suez u Ġibiltà, għandha pożizzjoni influwenti ħafna kemm fuq livell Mediterranju kif ukoll globali. Laqgħat li saru ma’ uffiċjali tal-Ministeru għall-Ambjent biex Malta tkun imħeġġa tappoġġja l-mozzjoni, s’issa ma wasslux biex Malta tikkommetti ruħha fuq din il-materja, bl-uffiċjali jesprimu tħassib dwar l-impatt ekonomiku ta’ miżura bħal din.

Madankollu, esperti tal-grupp Together Against Air Pollution from Ships li BirdLife Malta tifforma parti minnu, xejnu dawn il-biżgħat u spjegaw kif kwalunkwe żieda li jista’ jkun hemm fl-ispejjeż tat-tbaħħir kaġun tal-bidla lejn fuel aktar nadif tkun negliġibbli għall-konsumatur, bil-benefiċċji għas-saħħa f’termini ta’ problemi assoċjati mat-tniġġis mill-arja jiżbqu bil-kbir bidla bħal din anke mill-aspett ekonomiku.

Għall-kontrolli tal-emmissjonijiet fil-Mediterran, l-istima tal-benefiċċji monetarji tlaħħaq sa €10 biljun fis-sena fl-2030, li jiżdiedu għal kważi €30 biljun fis-sena fl-2050. Il-qbil fuq il-ħolqien ta’ ECA fil-Baħar Mediterran jista’ jwassal ukoll biex jiġu evitati bejn 3,100 u 4,100 mewta qabel iż-żmien kull sena fl-2030.

BirdLife Malta reġgħet indirizzat din il-kwistjoni f’ittra li bagħtet aktar kmieni din il-ġimgħa lill-Ministru Aaron Farrugia, hekk kif il-pożizzjoni ta’ Malta dwar din il-materja jidher li baqgħet ma nbidlitx.

F’kummenti dwar dan, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li, filwaqt li l-vot li jipproponi t-twaqqif ta’ Sulphur Emission Control Area fil-Baħar Mediterran mistenni jikseb l-appoġġ ta’ ħafna mill-Istati tal-Mediterran, nixtiequ naraw li Malta tkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja fl-isforzi biex ikollna arja aktar nadifa fil-portijiet u eżatt barra x-xtut tagħna. Għaldaqstant, l-għaqda tħeġġeġ lill-Ministru Farrugia biex jieħu pożizzjoni favur din il-Mozzjoni mingħajr l-ebda eżitazzjoni, filwaqt li jżomm f’moħħu l-eluf ta’ ċittadini li jgħixu mad-dawra tal-portijiet tagħna. Il-vot fuq it-twaqqif ta’ MedECA għall-kubrit mistenni jittieħed fit-8 ta’ Diċembru.

Iċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediterran għal Intervent f’każ ta’ Emerġenza kontra t-Tniġġis Aċċidentali tal-Baħar (REMPEC), li hu organu tal-IMO, aktar kmieni din is-sena ħareġ video dwar dan is-suġġett, li juri kif Malta ma ħaditx pożizzjoni favur din il-Mozzjoni.