Internazzjonali

Afganistan: Tħassib dwar il-qtil tal-eks membri tas-sigurtà

L-Istati Uniti u l-alleati tagħha kkundannaw il-qtil tal-eks membri tas-sigurtà Afgani taħt idejn il-militanti tat-Taliban filwaqt li sejħu biex jieqfu ‘dawn l-omiċidji premeditati’.

Mat-22 pajjiż, fi stqarrija konġunta, insistew biex ir-reġim Iżlamiku li ilu mis-sajf jikkonsolida t-tmexxija fl-Afganistan ‘jirrispetta l-wiegħda li kien għamel biex il-membri tal-Gvern preċedenti, flimkien mal-qawwiet tas-sigurtà tal-amministrazzjoni inkwistjoni, jitħallew jgħixu bla biża’ fil-pajjiż’.

L-Istati Uniti u l-alleati esprimew tħassib kbir dwar ‘il-qtil kiesaħ u biered tal-eks membri tal-qawwiet tas-sigurtà Afgani’. Dan meta t-Talibani huma akkużati wkoll dwar numru kbir ta’ każi fejn ‘sparixxew in-nies f’daqqa’ fl-Afganistan.

Ftit jiem ilu kien ħareġ rapport dwar is-sensiela ta’ qtil u ħtif ta’ persuni li ilu għaddej minn Awwissu – meta t-Taliban reġa’ ħa l-kontroll tal-Afganistan wara nuqqas ta’ 20 sena.

Ir-rapport jirreferi għal aktar minn 100 każ ta’ esekuzzjonijiet u ħtif ta’ eks uffiċjali tal-Gvern Afgan preċedenti, fl-aħħar erba’ xhur. Fost dawn hemm l-omiċidji ta’ 50 eks-membru tas-sigurtà li kienu ċedew lit-Taliban matul is-sajf.