Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, għamel appell ħerqan biex kulħadd jipparteċipa fil-maratona ġbir ta’ fondi f’risq il-Partit Nazzjonalista li se ssir nhar l-Erbgħa li ġej, jum il-festa tal-Kunċizzjoni.
L-iskop prinċipali wara din il-maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista hu li l-Partit jissokta jkun f’pożizzjoni b’saħħitha li jwassal b’mod effettiv il-messaġġi tiegħu. “Il-kompetizzjoni mal-Gvern biex inwasslu l-messaġġi tagħna hi waħda diffiċli ħafna.
“Il-Gvern Laburista għandu l-media tiegħu biex iwassal il-messaġġi tiegħu, iżda ħataf ukoll ix-Xandir tal-Istat u qiegħed jagħmel użu sfaċċat minnu biex iwassal il-messaġġi li jrid hu, x’ħin irid hu u kif irid hu. Barra minn hekk il-Gvern Laburista jagħmel użu wkoll mill-media indipendenti u mill-media soċjali. Sa issa, dwar il-Baġit għas-sena d-dieħla li għadu anqas biss għadda mill-Parlament, il-Gvern nefaq ħafna aktar min-nofs miljun ewro f’reklami u f’kampanji ta’ pubbliċità.
“Aħna rridu nikkompetu ma’ dan ix-xenarju kollu. Xenarju diffiċli ħafna iżda aħna ma naqtgħux qalbna u nibqgħu naħdmu bl-għajnuna ta’ kulħadd biex inwasslu b’mod effikaċi u effiċjenti l-messaġġ tagħna. Għalhekk hu importanti li dawk kollha ta’ rieda tajba nhar l-Erbgħa li ġej jingħaqdu magħna f’din il-maratona fejn kull ċenteżmu jgħodd.
“Aħna nixtiequ li kulħadd jagħti l-aħjar milli jista’. Nixtiequ niġbru somma sabiħa li tkompli tgħinna fit-tiġdid li qed nagħmlu fid-diversi strutturi tal-Partit Nazzjonalista biex hekk inkunu dejjem f’pożizzjoni aħjar li naħdmu b’differenza iżda għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Michael Piccinino fisser li l-ħidma interna fil-Partit Nazzjonalista hi waħda qawwija ħafna u kulħadd jista’ jara x-xogħol li qed isir, fosthom id-diversi proposti li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel, il-ħidma fuq diversi fronti, l-impenn politiku tal-Kap tal-Partit flimkien mad-deputati u l-kandidati. Impenn kbir bi tweġiba għas-sejħa tal-poplu Malti u Għawdxi li litteralment iddejjaq u xaba’ mill-arroganza tal-Gvern Laburista li jirrombla fuq kulħadd bid-deċiżjonijiet arbitrarji tiegħu u mingħajr ma jisma’ lil ħadd… anqas lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Michael Piccinino qal li fil-mument il-Partit Nazzjonalista qiegħed jissokta bil-ħidma tiegħu ħalli jkompli jikkonvinċi aktar u aktar nies jafdawh bħala gvern alternattiv. Il-Partit Nazzjonalista għandu direzzjoni ċara ħafna għal pajjiżna. Irid li tinqata’ l-korruzzjoni, li jispiċċa l-abbuż tal-poter u li jgħibu l-arroganza u l-iskandli li fnew lil pajjiżna fl-aħħar disa’ snin ta’ Gvern Laburista.
Il-Partit Nazzjonalista hu impenjat li jkompli juri l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna biex pajjiżna jikseb mill-ġdid ir-reputazzjoni t-tajba, biex il-poplu Malti u Għawdxi jibdew jgħixu mill-ġdid b’serħan il-moħħ u biex f’pajjiżna tirritorna n-normalità li tlifna.
Min-naħa tiegħu l-poplu Malti u Għawdxi jrid bidla fil-gvern; bidla fid-direzzjoni. Il-poplu, anki ħafna Laburisti ġenwini, huma mxabbgħa bil-Gvern Laburista li jirrombla fuq kulħadd. Gvern Laburista li ma jagħtix kas tal-għoli tal-ħajja, tal-kontijiet ogħla tad-dawl u l-ilma. Dan hu Gvern Laburista li qed ikompli jisraq lill-poplu Malti u Għawdxi fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma iżda min-naħa l-oħra mhux lest li jrodd lura l-flus misruqa lil tant u tant familji li qed jibqgħu jintalbu jħallsu bil-għoli għall-kontijiet tagħhom.
Il-poplu hu mdejjaq bil-Gvern Laburista u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem biex jakkwista l-fiduċja ta’ dawn in-nies; nies li huma mdejqa bit-tmexxija tal-Gvern preżenti għaliex tassew iridu l-veru ġid tal-pajjiż; nies li ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u mal-prezzijiet dejjem jiżdiedu; nies li ma jistgħux jissaportu aktar il-korruzzjoni, l-arroganza u l-iskandli li ta’ kuljum ifeġġu f’pajjiżna.
Michael Piccicino qal li l-ħidma li qed iwettaq il-Partit Nazzjonalista turi li l-partit għandu tassew il-par idejn sodi biex imexxi lil pajjiżna. Din hi ħidma li trid issir b’mod kollettiv. Iżda sadattant il-Partit Nazzjonalista qed ikompli juri wkoll li tgħallem mill-iżbalji tiegħu tal-passat u mhux lest li jerġa’ jwettaqhom fil-futur. Il-Partit Nazzjonalista jrid li jkompli jtejjeb u jsaħħaħ it-tajjeb li għandu u jibni fuqu biex hekk darba tasal l-Elezzjoni Ġenerali jkun f’pożizzjoni li jirbaħ u jibda jwettaq l-aspirazzjonijiet tal-elettorat.
Mistoqsi dwar l-arroganza tal-Gvern Laburista anki saħansitra fil-mod kif għadda mill-Parlament l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Cannabis, Michael Piccinino qal li hu jiddejjaq ħafna meta l-Parlament jintuża biex minnu jgħaddu b’mod mgħaġġel ħafna liġijiet li jolqtu direttament lin-nies bħal dan l-Abbozz ta’ Liġi.
F’dan il-każ kellek għadd kbir ta’ għaqdiet soċjali u kellek ukoll lill-imsieħba soċjali li taw parir lill-Gvern biex ma jgħaġġilx u biex jagħmel l-istudji u r-riċerki li hemm bżonn. Il-Gvern mhux talli ma semax, iżda għaġġel aktar il-proċess biex dan l-Abbozz ta’ Liġi jgħaddi mill-Parlament bl-inqas diskussjoni possibbli. Mhux biss, iżda anki fl-istadju ta’ Kumitat il-Gvern ma aċċetta l-ebda emenda mill-Oppożizzjoni jew xi suġġeriment mill-għaqdiet soċjali jew mill-imsieħba soċjali. Dan kollu juri biss l-arroganza fl-aqwa tagħha.
Dwar il-ħtif tax-Xandir Pubbliku, Michael Piccinino qal li dak kollu li qed jiġri fix-Xandir Pubbliku jista’ jkun deskritt biss bħala pastażata kbira. Il-poplu Malti u Għawdxi ma ħaqqux ikun trattat b’dan l-iżbilanċ ta’ kuljum u b’dan l-iżbilanċ sfaċċat.
Il-Gvern Laburista ħataf ix-Xandir Pubbliku li hu mħallas mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi u dan għas-sempliċi raġun biex ikollu kontroll assolut fuq il-messaġġi li jintbagħtu lill-poplu Malti. Barra minn hekk, il-Gvern Laburista, għaliex bir bla qiegħ, ħataf ukoll il-media soċjali u l-ħin kollu għaddej bumbardament ta’ pubbliċità bl-informazzjoni li taqbel lill-Gvern li fl-istess waqt ikompli jagħmel minn kollox ħalli joħnoq il-vuċi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Michael Piccinino temm jappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex jikkontribwixxi bl-aħjar mod li jista’ biex għal darba oħra din tkun kampanja oħra ta’ suċċess.
//= $special ?>