Lokali

“Biża’ li jista jkollna riċessjoni fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla”

Il-biża’ ta’ aktar żidiet fil-prezzjiet u n-nuqqas ta’ provvisti jistghu iwasslu għal riċessjoni matul l-ewwel nofs tas-sena d-dieħla. Hekk sostna Brian Muscat, manager ta’ kumpanija lokali… f’interista li kellu mal-MaltaToday.

F’dawn l-aħħar xhur il-kumpaniji u n-negozji bdew jaffaċċjaw żidiet qawwija fosthom fil-prezzijiet tal-merkanzija ta’ diversi prodotti kemm lokali kif ukoll intenazzjonali. Kien għalhekk li l-PN ressaq proposta sabiex tingħata għajnuna diretta lill-industrija, bil-għan li l-imprendituri lokali jilqgħu għal din id-daqqa.

Fil-fatt, f’Settembru li għadda, Il-Partit Nazzjonalista ippropona li jitwaqqaf fond nazzjonali ta’ €40 miljun biex jitnaqqsu d-diffikultajiet u l-ispejjeż żejda. Iżda l-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ċass u ma għamel assulutament xejn.

Din id-daqqa qed tirrifletti wkoll fi splużjoni fil-prezzijiet għall-konsumaturi – fi kliem sempliċi, żieda fl-għoli tal-ħajja.

L-indiċi tal-prezzijiet wera li f’Awwissu kien hemm żieda ta’ 8% fil-prezz ta’ diversi prodotti fuq l-istess xahar tas-sena ta’ qabel… 9.6% f’Settembru u 9% f’Ottubru.

Brian Muscat minn naha tieghu qal li jekk l-affarijiet ma jinbidlux, is-sena d-dieħla, il-kumpaniji se jkollhom problemi kbar. Dan hekk kif hemm domanda kbira għall-prodotti, iżda l-provvista hija waħda żgħira. U dan kollu se jaffettwa b’mod partikolari lill-konsumatur li qed ikollu jixtri l-prodotti bi prezz iktar għoli.

Huwa qal li s-sitt xhur li ġejjin huma kruċjali hekk kif il-konsumatur ma jistax ikompli jħabbat wiċċu ma’ dawn iż-żidiet – żidiet li finalment se jwasslu wkoll għal pressjoni fuq il-pagi tal-ħaddiema.

Dan is-sentiment qed jinħass ukoll fost diversi kumpaniji oħra, inkluż dawk tal-manifattura u tal-farmaċewtika.

L-imprendituri stess qed jinsistu li l-Gvern għandu jintervjeni u jnaqqas  ċertu piżijiet ħalli jittaffa l-piż fuq il-kumpaniji u negozji.