Lokali

“Eżempju ċar ta’ Gvern li ma jismax għax kieku waqaf, studja u rriċerka” – Claudette Buttigieg

Gvern li jiġi jaqa’ u jqum minn kollox

“Il-mod mgħaġġel li bih il-Gvern Laburista mexxa d-diskussjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Cannabis wera u juri bl-aktar mod ċar kemm għandna Gvern li ma jiddjalogax u ma jismax għaliex kieku ddjalogu b’mod serju u sema’ b’mod ġenwin, allura żgur li kien iwaqqaf id-dħul ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, jmur biex jistudja aktar u jimbarka fuq proċessi ta’ riċerka biex inkunu nafu l-effetti tal-cannabis fuq is-soċjetà x’se jkunu.

“Imma l-Gvern Laburista daħħalha f’moħħu li jdaħħal dan l-Abbozz ta’ Liġi fis-seħħ issa qabel l-Elezzjoni Ġenerali u qiegħed jiġi jaqa’ u jqum minn dak li qed jgħidulu l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-kampijiet ta’ kontra d-droga, jiġifieri l-Caritas Malta, is-Sedqa, l-OASI, il-Fondazzjoni Richmond u tant għaqdiet oħrajn mhux governattivi.

“Imma lil dawn il-Gvern ma tahomx widen, kif ma tax widen ukoll lill-imsieħba soċjali li wkoll appellawlu biex iżomm ir-riegni u ma jagħmilx l-affarijiet bil-għaġġla, fosthom l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem u l-Kamra tal-Kummerċ li elenkaw għadd ta’ punti mill-aktar validi. Anki lil dawn, il-Gvern warrabhom biex jibqa’ għaddej b’dak li għandu f’moħħu, anki jekk sarulu twissijiet serji li l-cannabis, direttament u indirettament, se jkollha diversi effetti fuq is-soċjetà Maltija.”

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa, f’intervista ma’ Il-Mument dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Cannabis, bdiet biex qalet li tajjeb li kulħadd japprezza li dan hu suġġett mill-aktar delikat u ħadd u għall-ebda raġuni m’għandu jkun hemm xi ħadd li jipprova jippolitiċizza dan is-suġġett sensittiv.

Filwaqt li sellmet lil dawk kollha li fil-passat inqabdu bil-cannabis għall-użu personali tagħhom u spiċċaw il-Ħabs bi trawma kbira għalihom u għall-familji tagħhom, fakkret li fil-fatt din is-sitwazzjoni nbidlet fl-2015 proprju għaliex anke l-Oppożizzjoni kienet ivvutat favur liġi li tiddikriminalizza l-użu mhux biss tal-cannabis, imma anki proprju persuna m’għandhiex teħel priġunerija għaliex ikollha ammont ta’ droga li l-liġi tal-2015 kienet tindika b’mod ċar x’inhu l-ammont stipulat mil-liġi.

“Dan ifisser li mhux ġust li fil-jiem li għaddew, inkluż fil-Parlament, kien hemm kelliema tal-Gvern Laburista li żgwidaw dwar dan. Id-dikriminalizzazzjonali tal-cannabis u ta’ drogi oħrajn saret fl-2015 u l-Oppożizzjoni vvotat favur,” spjegat Claudette Buttigieg.

Hi kompliet li hi attitudni għalkollox żbaljata dik li jsir attakk fuq min jitkellem kontra d-dħul ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi.

“Id-dekriminalizzazzjoni tfisser li għax inti kellek il-pussess sempliċi u għall-użu personali m’għandekx teħel priġunerija. Naqblu mija fil-mija. Mela importanti li ma noqogħdux nilagħbu bil-kliem biex naħa tidher kera u naħa tidher sabiħa.”

Claudette Buttigieg sellmet lill-Caritas Malta, lill-Oasi, lis-Sedqa u lil tant oħrajn li qed jimmilitaw f’dan il-qasam u qed jagħmlu xogħol inkredibbli.

“Meta titħallat ma’ dawn il-vulnerabbli li spiċċaw fi problemi kbar għaliex abbużaw minn xi droga, allura ma tistax ma tħossx għafsa ta’ qalb għalihom. Stejjer ta’ qsim il-qalb. Min seraq lill-ġenituri tiegħu; min spiċċa mietlu xi ħadd għażiż qabel ma laħaq ħareġ mill-vizzju… u għalhekk nirringrazzja minn qalbi lit-tmexxija tal-lum, lit-tmexxija tal-passat, u lit-tmexxija tal-futur ta’ dawn l-entitajiet: Caritas, Oasis, kif ukoll Sedqa.”

Claudette Buttigieg fissret li hi infurmata tajjeb kif dawn l-għaqdiet u tant oħrajn li jimmilitaw fir-riabilitazzjoni mid-droga, fosthom tant għaqdiet u entitajiet fi ħdan il-Knisja, u li jagħmlu xogħol mill-aktar siewi, huma ġenwinament inkwetati ħafna fuq l-implikazzjonijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi.

“Insellem ukoll lil Richmond Foundation li qiegħda tagħmel xogħol meraviljuż f’pajjiżna. Tant ikun tajjeb dan ix-xogħol li l-Gvern qed jinvesti l-flus f’dawn l-għaqdiet.”

Hawnhekk tkellimna dwar il-karba ta’ dawn l-għaqdiet li waqgħet fuq widnejn li ma jridux jisimgħu, u Claudette Buttigieg fissret li “dawn kollha mhumiex biss isem, imma huma entitajiet li jirrappreżentaw mijiet jekk mhux eluf ta’ ħaddiema, ta’ familji, ta’ nies li jimpjegaw u ta’ min iħaddem.

“Dawn l-entitajiet kollha waħedhom jew flimkien, f’dawn l-aħħar ġimgħat ħarġu stqarrijiet biex juru t-tħassib tagħhom. M’għamlux xi attakk, imma spjegaw daqsxejn ċerti affarijiet. Qed iwissu fuq affarijiet oħra. Uħud minnhom saħansitra daħlu fil-possibbiltà ta’ emendi.

“Dawn l-istess oġġezzjonijiet m’għamluhomx illum, m’għamluhomx ilbieraħ, imma għamluhom meta ħareġ il-famuż dokument: ‘Towards the strengthining of the legal framework on the responsible use of cannabis’; imsejħa white paper, imma leaves much to be desired!”

Hi qalet li dak id-dokument kien nieqes mir-riċerka. L-ikbar kritika li saret kienet li kien dokument qisu miktub minn xi ħadd li għadu se jiggradwa minn xi kors. Allura hemm ħafna mistoqsijiet li jibqgħu mhux imwieġba.

Issa l-Gvern Laburista baqa’ jwebbes rasu u għadda mit-Tieni Qari l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Cannabis. Mingħajr ma daħal f’ħafna dettall. U minn dan kollu joħroġ sens ta’ ħafna għaġġla.

L-istess għaqdiet mhux governattivi qed jgħidu xi ħaġa importanti ħafna… ċioè li hemm nuqqas ta’ riċerka u studju. Allura għaliex m’aħniex ninvolu lill-Università ta’ Malta fir-riċerka?

Hi qalet li tifhem tajjeb għaliex il-Gvern Laburista ma jridx issejjaħ lil dan l-Abbozz ta’ Liġi bħala legalizzazzjoni, għaliex fil-fatt kieku kellha tkun legalizzazzjoni tmur kontra l-konvenzjonijiet!

Mistoqsija dwar kif dan kollu jinkwadra fil-problemi li hemm fost iż-żgħażagħ, Claudette Buttigieg fissret li l-ikbar problema li għandna fiż-żgħażagħ, speċjalment fl-adolexxenti u ta’ età tenera, hi l-abbuż tal-alkoħol. Minn studju kkummissjonat dan l-aħħar jidher ċar li s-sitwazzjoni ħarbet minn kull kontroll.

“Allura nappella liż-żewġ naħat tal-Kamra biex inpoġġu bilqiegħda u niddiskutu eżattament x’se nagħmlu fuq din is-sitwazzjoni.

“Hemm tnaqqis, bħalma hi tendenza mhux biss f’Malta fl-użu tat-tipjip, imma mbagħad hawn statistika li hi serja ħafna. Pereżempju, skont l-ESPA tal-2019, turi li żgħażagħ ta’ bejn il-15 u s-16-il sena, 33 fil-mija minnhom jaħsbu li biex takkwista l-cannabis hi xi ħaġa faċli. Fl-Unjoni Ewropea 14 fil-mija  jaħsbu li huwa faċli li takkwista.”

Hi qalet li fl-1995 dik iċ-ċifra kienet ta’ għaxra fil-mija. Fejn jidħlu l-istudenti universitarji, proprju minn dan l-istudju, 86 fil-mija taż-żgħażagħ universitarju qalu li f’xi żmien offrewlhom id-droga.

83 fil-mija minn dawn is-86 fil-mija jgħidu li kienet il-cannabis. Meta tara fil-fatt id-dokument innifsu, u tara li l-cannabis pereżempju hi aċċessibbli b’mod faċli ħafna għal 75.2 fil-mija taż-żgħażagħ.

20.2 fil-mija jgħidu wkoll li d-droga sintetika hi faċli li jakkwistawha, 25.7 fil-mija isemmu l-exctasy, imma l-iktar ħaġa li għandha tħasseb hi li 28.4 fil-mija isemmu l-kokaina. “Dawn in-numri, mingħajr ma nidħol fid-dettall, għandhom jixegħlu bozza ħamra.”

Claudette Buttigieg, filwaqt li qalet li qabel mal-Gvern Laburista fetaħ għall-użu tal-cannabis messu li l-ewwel beda bir-riċerka u staqsa x’se jkun  l-impatt soċjali, tkellmet ukoll dwar it-twaqqif ta’ Awtorità Regolatorja u staqsiet: hi Awtorità li se teduka? Imma mbagħad kif tista’ tkun regolatorja minn naħa u anke taħtha wkoll assoċjazzjonijiet li se jkunu qed jipprovdu? Pereżempju, l-assoċjazzjonijiet se jaqgħu taħt l-Awtorità, jew se jaqgħu taħt il-Kummissarju tal-għaqdiet volontarji?

Tkellimna wkoll dwar it-tkabbir tal-kokaina fid-djar, u Claudette Buttigieg fissret li l-assoċjazzjonijiet iridu jkunu aktar minn 250 metru ’l bogħod minn skola u postijiet taż-żgħażagħ. Imma mbagħad jista’ jsir it-tkabbir fid-dar! M’hemm xejn f’dan l-Abbozz li jgħidlek li jekk int toqgħod eżatt ħdejn skola, ma tistax tkabbar il-pjanta cannabis!

Mistoqsija dwar il-kwistjoni tal-età, Claudette Buttigieg qalet li stħarriġ xjentifiku juri li l-moħħ tal-bniedem jieqaf jiżviluppa mal-età ta’ 25 sena. “Allura kemm hu importanti li aħna nippruvaw kemm jista’ jkun li żgħażagħ ta’ taħt il-25 sena ma jużawx id-droga b’mod daqshekk repetut u regolari? Qed ngħid b’mod ċar li l-użu repetut, frekwenti u regolari, speċjalment taħt il-25 sena joħloq sitwazzjoni li tista’ toħloq il-ħsara. Dan hu fatt u ma nistgħux immeruh.

“L-argument u l-punt prinċipali hawnhekk mhumiex il-persuni, imma huwa l-użu jew l-abbuż, l-użu repetittiv fit-tul.  Jien għandi esperjenzi ma’ ħbieb tiegħi, speċjalment meta kont ngħix barra minn Malta, fejn rajt l-effett tal-użu fit-tul u repetittiv tal-cannabis. Il-persuna ma tibqax tiffunzjona b’mod alert daqskemm tkun qabel. Meta tkun speċjalment ta’ età iżgħar, l-effett hemmhekk ikun fit-tul.”