Lokali

“Għandha ssir ġustizzja għall-qtil ta’ zijuwi” – in-neputi ta’ Raymond Caruana

“Għandha ssir ġustizzja għall-qtil ta’ zijuhi… mhux biex issir vendetta iżda biex tkun ta’ tgħalima biex mumenti bħal dawn ma jerġgħux iseħħu fil-futur.”

Kien dan kliem in-neputi ta’ Raymond Caruana, Stefan Caruana waqt attività li saret fil-każin tal-Gudja biex tkun imfakkra l-memorja ta’ Raymond Caruana li nqatel b’tir fl-1986. Stefan qal li l-klima politika ta’ dak iż-żmien wasslet biex zijuh ma setgħax jibni familja bħal kull persuna oħra. Madanakollu, dan wassal biex kull wieħed u waħda minna nkunu nistgħu nibnu futur hekk kif eluf ta’ Maltin ħarġu fit-toroq jitolbu għal-libertà ta’ Malta.

Preżenti wkoll kien hemm ħu Raymond Caruana, Jimmy Caruana li rrakonta dak li jiftakar minn dak il-jum iswed ta’ pajjiżna. Hu qal li ma setgħax jemmen kif ħadulu lil ħuħ ta’ età tant żgħira meta Raymond kien qiegħed jaħdem biex ikolna pajjiż aħjar.

Fi tmiem id-diskors li sar mill-Kap tal-PN, Bernard Grech fl-okkażjoni tal-35 sena mill-qtil ta’ Raymond Caruana, fis-sala tal-każin tal-Gudja ġiet ippreżentata rappreżentazzjoni artistika li saret mill-iskultur Antonio Mifsud. Bernard Grech qal li din l-iskultura għandha turi kif l-istituzzjonijiet m’għandhomx ikollhom irbit politiku biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu xogħlhom u jwasslu għas-serħan il-moħħ tal-poplu.

Fl-aħħar tal-attività ġiet inawgurata plakka ta’ rappreżentazzjoni artistika ta’ Raymond Caruana li saret mill-artista Marica Azzopardi Balzan… liema plakka twaħħlet mal-faċċata tal-każin oppost il-marka tat-tiri li tfakkar dan l-mument diffiċli. Il-Kap tal-PN, Bernard Grech saħaq li din għandha tfakkar lill-poplu Malti u Għawdxi kollu li s-soċjetà għandha tibqa’ tibqa’ tiġġieled għal-libertà ta’ pajjiżna biex b’hekk Raymond Caruana ma jkunx tilef ħajtu għalxejn.