Internazzjonali Lokali

Helena Dalli mill-ġdid f’nofs kontroversja fi Brussell

Id-dokument ta’ Helena Dalli qajjem kontroversja mhux biss fi Brussell imma anke fi Stati Membri oħra tal-UE

Hekk kif din il-ġimgħa beda Diċembru, ħafna familji u negozji, mhux biss f’Malta u Għawdex, imma madwar id-dinja kollha, bdew iħejju għall-festi tal-Milied. Min jibda jara x’rigali se jixtri, min jibda jistieden lill-qraba u l-ħbieb id-dar għal xi festin, u min jidħol fl-ispirtu reliġjuż tal-Milied permezz ta’ diversi funzjonijiet fil-knejjes rispettivi.

Iżda f’uffiċċju fi Brussell, il-ħsieb dwar il-Milied kien kemxejn differenti. Anzi, kważi kważi kien hemm min qed jara l-Milied bħala theddida, bħala xi ħaġa li m’għandhiex tissemma, u xi ħaġa li kważi kważi, m’għandhiex teżisti.

Qed nagħmlu referenza għall-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ugwaljanza Helena Dalli. Fil-fatt, media Taljana, din il-ġimgħa żvelat dettalji ta’ dokument li ħarġet il-Kummissarju Maltija għall-impjegati tal-Kummissjoni Ewropea, bħala gwida ta’ x’għandhom jagħmlu u ma jagħmlux, jiktbu u ma jiktbux, biex ikun assigurat li kull impjegat ikun qed isegwi ma’ etika li tħares lejn l-ugwaljanza. Sa hemm, kollox sew, anzi, hi xi ħaġa pożittiva ħafna li jsiru dawn it-tip ta’ dokumenti bħala linja gwida.

Iżda d-dokument ta’ Helena Dalli qajjem kontroversja sħiħa, mhux biss fi Brussell, imma anke fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex filwaqt li numru ta’ miżuri huma fid-direzzjoni t-tajba, biex ma teżisti ebda distinzjoni bejn individwi – irrelevanti mill-ġeneru, il-lingwa li jitkellmu, il-kulur ta’ ġisimhom – miżuri oħrajn qajmu aktar mistoqsijiet milli tweġibiet.

L-aktar miżura li ħolqot diskussjoni kienet dik li m’għandhiex issir referenza għall-Milied. Jiġifieri meta l-impjegati tal-Kummissjoni jkunu se jitilqu minn Brussell lejn pajjiżhom għall-festi tal-Milied, ma jistgħux jawguraw ‘il-Milied it-tajjeb’ lil xulxin. Imma awguri biss għall-vaganzi.

Jew, miżura oħra li ġabet kritika qawwija saħansitra mill-Vatikan, kienet dik li meta tkun qed issir referenza għal każ ipotetiku, m’għandhomx isiru referenzi għal ismijiet hekk imsejħa ‘Kristjani’, bħal Maria jew John.

Numru ta’ Deputati tal-Parlament Ewropew mill-ewwel esprimew l-għadab tagħhom għal ċertu aspetti ta’ dawn il-linji gwida, fosthom id-Deputat Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa.

Dwar dan, Il-Mument tkellem mal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa li nsista li: “Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiddefendi l-valuri tagħna mhux tipprova tbiddel l-identità tagħna.”

David Casa ddeskriva l-isforzi biex ma jsirux referenza lejn il-Milied u lejn ismijiet Kristjani bħala ‘stramba’ u ‘ta’ diżappunt’. Anke l-eks President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani kkundanna dak li għamlet il-Kummissarju Helena Dalli.

Iżda l-kritika eċċessiva jidher li ħalliet il-frott, għaliex f’inqas minn 24 siegħa, Helena Dalli daqqet l-irtirata u qalet li se tkun qed tirrevedi ċertu miżuri f’dawn il-linji gwida.

Fit-tweġibiet tagħha, hi qalet li l-iskop tal-linji gwida huma li jagħmlu referenza għad-diversità tal-kultura Ewropea, u li d-dokument kif ġie ppubblikat ma jilħaqx dawn l-għanijiet. Għalhekk, qalet Helena Dalli, se tirtira d-dokument u tara kif jiġi aġġornat.

Fir-reazzjoni tiegħu għal dan, David Casa qal li hu tajjeb li l-Kummissjoni Ewropea fehmet li d-diversità ma takkwistahiex billi twaqqaf ir-referenza għall-Milied, imma b’miżuri b’saħħithom li jwaqqfu kull tip ta’ diskriminazzjoni. “Bħala rappreżentant tal-poplu Malti u Għawdxi, imma anke bħala Ewropew, nibqa’ ninsisti li ċertu valuri tagħna ma jintmissux – la mill-Kummissjoni Ewropea u lanqas minn kwalunkwe entità oħra.

“Aħna nittamaw li jekk lanqas il-pandemija tal-COVID-19 ma waqqfet lil ħadd milli jiċċelebra l-Milied, ma tkunx il-Kummissjoni Ewropea li tagħmel dan.”

Il-Mument tkellem ukoll ma’ Peter Agius, Kelliem tal-Partit Nazzjonalista u espert Ewropew, li qal li d-dokument maħruġ mill-Kummissjoni seta’ kellu skop utli fil-prinċipju u ċioè li jiggwida fil-kitba ta’ dokumenti u diskorsi b’mod li l-kliem użat ma jeskludi lil ħadd. “Dan l-iskop ta’ inklużjoni u diversità iżda ma jistax jintlaħaq billi neskludu u nwarrbu l-identitajiet differenti fl-Ewropa!, anzi id-diversità tintlaħaq meta nabraċċjaw it-tradizzjonijiet differenti u nkunu kburin bihom ilkoll,” saħaq Peter Agius.

Peter Agius spjega kif il-kwistjonijiet imqajma fid-dokument li ħareġ mill-Kummissarju Dalli jirrikjedu dibattitu aktar wiesgħa fejn l-Ewropa tifhem aħjar il-vokazzjoni tagħha vis a vis il-libertajiet reliġjużi.

Hu nsista iżda li dan id-dibattitu jeħtieġ ikun inkwadrat fi prinċipju li l-Ewropa ssir dejjem aktar sinjura meta din tagħraf tirrispetta u tinkludi kulturi differenti u mhux meta twarrab il-kulturi biex mingħaliha toħloq xi eġemonija bla ruħ.

Peter Agius kompla li: ‘Il-polemika li qajmet il-Kummissarju Dalli mhix bla relazzjoni mal-kwisjtoni tal-kurċifiss fl-iskejjel u postijiet pubbliċi.

“Jiena nemmen fermament fil-libertà ta’ kulħadd li juri l-fidi tiegħu. Il-mod kif nagħmlu dan iżda huwa billi kulturi oħra jinkludu simboli oħrajn f’postijiet pubbliċi iżda mhux jobbligaw lil min huwa Nisrani jneħħi l-kurċifiss.

“Bl-istess mod l-Ewropa m’għandha l-ebda dritt tnaqqas l-importanza tal-Milied nisrani. Bil-kontra l-Ewropa għanda tirrikonoxxi u tirrispetta festi oħra liturġiċi ta’ reliġjonijiet oħra bħalma huma l-Hannukah jew ir-Ramadan,” temm Peter Agius.

Dwar din il-kwistjoni f’nofs din il-ġimgħa rreaġixxa wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni li stqarr li: “Jinsab kuntent li dwar din il-kwistjoni rebaħ is-sens komun u l-Unjoni Ewropea rtirat id-dokument tal-Kummissarju Helena Dalli li twaqqaf lill-UE milli tuża l-kliem “Milied” u “Maria”.

“Jien nappoġġja bis-sħiħ il-prinċipji tal-ugwaljanza u inklussività u għalhekk dan għandu jkun rifless ukoll fil-lingwa li aħna nużaw.

“Iżda aħna ma nistgħu u m’għandniex inħassru l-identità tagħna. Kemm-il darba jsir hekk allura nkunu qed immorru kontra l-prinċipji li ssieltet u ġġieldet għalihom l-istess UE.

“Il-moderazzjoni hi virtù. Is-soċjetà tagħna għandha bżonn il-moderazzjoni llum aktar minn qatt qabel.”